Sors: Facebook
“Aħna kollha qegħdin f’mixja ta’ konverżjoni, u allura għandna bżonn nagħrfu min hu verament dan Alla. Jekk nemmnu fih, ma nagħmlux allat oħra. Aktar ma nwarrbuh fil-ġenb, aktar noħolqu allat oħra”.
Fl-omelija ta’ nhar il-Ħadd li għadda fil-Festa tal-Viżitazzjoni fl-Għarb, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma tkellem dwar il-misteru kbir ta’ Alla li jintgħaraf fiċ-ċokon u bl-umiltà.
Huwa qal li Eliżabetta tirrappreżenta l-istennija tal-poplu ta’ Iżrael kollu kemm hu. Għalhekk “hi għandha eluf ta’ snin, għax hi l-istennija għat-twettiq tal-wegħda ta’ Alla fil-qalb ta’ kull bniedem”. Mill-banda l-oħra Marija ġġorr fiha lil Dak li jaqta’ dawn ix-xewqat kollha li hemm f’kull wieħed u waħda minna.
Ikkwota bosta episodji mit-Testment il-Qadim fejn Alla jidher jinterċedi għall-poplu tiegħu bil-qawwa u kultant anki l-forza fuq l-għedewwa. Dawn issa kollha huma miġbura fil-preżenza ġdida tiegħu f’Marija, l-Arka ġdida.
Għalhekk li f’Għajn Karim, l-istess kliem li ntqal lill-eroini fir-Rabta l-Qadima Eliżabetta issa tlissnu lil Marija, u ssejħilha “mbierka” għax iġġorr fiha din il-preżenza ta’ Alla, mhux iżjed fil-kobor u l-maestà, imma fl-umiltà tal-umanità dgħajfa.
Fit-Testment il-Ġdid, għalhekk, għandna viżjoni ġdida ta’ Alla: twajjeb, li jħobb, umli. Allura, is-sigriet li għandna bżonn nagħrfu hu l-umiltà. Lil Alla nagħrfuh mhux tant f’kemm nimmaġinawh kbir, imma fis-sempliċità u l-umiltà, li juri lilu nnifsu fl-ikbar dgħufija, l-ewwel bħala tarbija fil-ġuf ta’ ommu, u issa fi preżenza li tkompli fil-Ħobż u l-Inbid.
“Hawn hu l-qtugħ veru tax-xewqat tagħna”, esprima l-Isqof, “meta niltaqgħu ma’ Ġesù Ewkaristija. Hawn hu l-kobor tal-misteru: Ġesù Ostja fiċ-ċkunija tiegħu”.
L-Isqof fl-omelija tiegħu tenna li s-sigriet tal-ħajja Kristjana u umana hu “meta nkunu kapaċi li s-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum, bħal tal-ostja ċkejkna, napprezzawha u nilqgħuha bħala rigal ta’ Alla”. Huwa għalhekk li Marija tgħanni lil Alla li “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu”.
Kif naraw fis-sempliċità assoluta tal-laqgħa bejn dawn iż-żewġ persuni, Alla l-ewwel darba li jiltaqa’ mal-bnedmin jagħmel dan fis-sempliċità ta’ ftit ċelloli. U l-istess Alla ma jibżax jidher quddiemna fid-dgħufija ta’ ostja ċkejkna.
“Jalla lkoll nidħlu fil-profondità ta’ dan il-misteru, fejn Alla li hu kbir ma jibżax ikun ċkejken f’ostja ċkejkna”, meta aħna li ma aħna xejn, insibuha tant bi tqila nitbaxxew.
“Jekk irridu li x-xewqat tagħna jiġu mitmuma”, qal-Isqof, “dan nagħmluh biss bl-umiltà bħal ta’ Marija u Eliżabetta”; xħin naċċettaw li “kulma aħna u għandna jiddependi kollu minn Sid id-dar... u dan, għalkemm kbir, hu preżenti f’daqsxejn ta’ ostja ċkejkna maqfula fit-tabernaklu”.
🎞️ Segwi l-omelija kollha hawn