Iċ-Ċentru ta’ Arti Liturġika Eikon, kelma Griega li tfisser ‘xbieha’, huwa ambjent kreattiv fejn jiltaqgħu l-arti u l-fidi; fejn artisti li huma parti mill-Knisja jesprimu l-fidi u l-ħajja tal-Knisja. Din il-ħidma titlaq minn riċerka u studju tat-tradizzjonijiet millenarji tad-diversi Knejjes, sabiex din it-tradizzjoni ħajja tiġi espressa fil-lingwaġġ artistiku kontemporanju.
Il-ħidma taċ-Ċentru, li twaqqaf f’Diċembru 2017, hija ddedikata kważi esklussivament għall-arti liturġika, fejn l-arti tieħu dimensjoni sagramentali, jiġifieri ssir manifestazzjoni tal-misteru li temmen u tgħix il-Knisja. Ix-xbihat qaddisa mhumiex biss ir-rakkont tal-ġrajjiet tal-passat, imma huma l-esperjenza ħajja li tagħmel il-Knisja fl-istorja tagħha. Il-ħitan tal-knisja mhumiex dekorazzjoni imma awtoritratt tal-Knisja li tgħix fihom. Il-ministeru tal-artist Nisrani huwa li joħroġ mill-individwu tiegħu biex isir espressjoni ta’ din il-ħajja ġdida fi Kristu.