Iċ-ċelebrazzjonijiet djoċesani ta’ Kristu Re fid-Djoċesi ta’ Għawdex din is-sena kienu mdawla mit-tema “Mingħajr il-Ħadd ma nistgħux ngħixu”, frażi famuża meħuda minn fuq fomm id-49 martri ta’ Abitene, fl-Afrika ta’ Fuq, li fis-sena 304 ċarċru demmhom għax irrifjutaw li jwarrbu Jum il-Mulej. Din it-tema hi f’kontinwazzjoni mal-għażla li għamlet il-Knisja f’Għawdex li matul din is-sena tiffoka fuq l-importanza tal-Ewkaristija tal-Ħadd, tant li f’kull familja Għawdxija bħalissa qed jitqassam ktejjeb bi spjega tal-quddiesa biċċa biċċa.
L-attivitajiet fetħu b’mument ċelebrattiv għall-ġenituri u t-tfal kollha tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, il-Ġimgħa 20 ta’ Novembru, fir-Rotunda tax-Xewkija, fejn bl-għajnuna tal-Isqof Anton u l-animaturi u katekisti, huma kellhom l-opportunità jirriflettu fuq xi tfisser għalihom bħala familja ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u jekk humiex jagħtuha importanza biżżejjed. It-tema “Fil-Qsim tal-Ħobż” kienet riflessa wkoll fit-tqassim fl-aħħar ta’ panina lil dawk kollha preżenti, bħala sinjal tanġibbli tal-Ewkaristija li Ġesù jaqsam għalina u jqassam lilna. Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, tqassmet ukoll ‘kit’ bil-Girlanda tal-Avvent lill-familji kollha preżenti, bi stedina mill-Kummissjoni Kateketika biex matul l-Avvent jitolbu kuljum madwarha.
Dakinhar stess filgħaxija l-adolexxenti kellhom ċelebrazzjoni indirizzata għalihom fiċ-Ċittadella, organizzata mill-KDŻG bit-tema “Christ the King – Behold the Man”. Gruppi bejn Forms 2 u 6 kellhom mumenti quddiem stazzjonijiet differenti mnebbħa mill-fidi, magħmula minn testminonjanzi, mużika u drama, adorazzjoni, talb u riflessjoni. Wara kien hemm ukoll mumenti ta’ fraternità b’ikel u divertiment fil-Pjazza tal-Katidral.
L-istess Kummissjoni organizzat ukoll “Christ the King – Behold the Man” – The Walk, is-Sibt billejl, b’mixja li telqet minn quddiem id-dar tal-Fondazzjoni OASI fil-Wied ta’ Żejta, ir-Rabat, fejn resident tad-Dar qasam l-esperjenza tiegħu. Dawk li ħadu sehem imxew sas-Santwarju Ta’ Pinu, fejn l-Isqof Anton ta katekeżi fuq id-dinjità umana.
Iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana tal-Ħadd waranofsinhar irritornat fir-Rotunda tax-Xewkija u għat-tema ċentrali, bi stedina mġedda għall-għarfien tal-importanza u l-qdusija ta’ jum il-Ħadd. Bl-għajnuna tal-qari ta’ żewġ siltiet, waħda mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli u oħra mill-Ittra Appostolika Dies Domini tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, kif ukoll invokazzjonijiet meħuda mill-Kostituzzjoni tal-Konċilju Vatikan II Sacrosanctum Concilium, il-ġemgħa setgħet tirrifletti fuq l-essenzjalità tal-għajxien u tal-ħarsien ta’ jum il-Ħadd. Intwera wkoll feature fuq l-importanza tal-Ħadd, u koppja żagħżugħa qasmet l-esperjenza tagħha fuq xi jfisser għalihom dan il-jum.
Wara l-omelija tal-Isqof Anton, fejn fakkar lill-poplu kollu ta’ Alla fuq kemm il-jum tal-Ħadd hu fundamentali għall-ħajja tal-Knisja, iċ-ċelebrazzjoni għalqet b’mument ta’ adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija. Dan fetaħ bil-kant ta’ Litanija li fiha ssemmew l-ismijiet tad-49 martri ta’ Abitene, irrappreżentati minn tfal mill-parroċċi Għawdxin li ħa jagħmlu l-Ewwel Tqarbina, lebsin il-libsa bajda, u jġorru palma u xemgħa f’idejhom, li nġabru madwar Ġesù Ewkaristija għall-adorazzjoni.
📸 Mario Xerri