Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

It-tfal: jiġu jew ma jiġux

Is-Sibt 14 ta’ Novembru, fiċ-Ċentru Parrokkjali tan-Nadur (NTYC), inżamm it-tieni appuntament djoċesan fis-sensiela ‘Ngħidu 4 kelmiet bejnietna’, għall-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ. Is-suġġett ta’ dan il-mument ta’ formazzjoni kien: “It-tfal: jiġu jew ma jiġux”.

Il-ġinekologa Dr Margaret Spiteri inkuraġġiet lill-grupp sabiħ ta’ koppji preżenti biex fiż-żwieġ u fl-intimità sesswali tagħhom irawmu, b’mod intenzjonat, il-ħames dimensjonijiet tal-prinċipju SPICE – dawk spiritwali (Spiritual), fiżika (Physical), intellettwali (Intellectual), komunikattiva u kreattiva (Communicative/Creative), u emozzjonali (Emotional). Dr Spiteri qasmet ukoll riflessjonijiet siewja dwar kif il-ħajja mgħaġġla u mimlija stress tal-lum, ikel mhux adegwat, nuqqas ta’ għarfien dwar iċ-ċiklu naturali tal-mara, kundizzjonijiet ġinekoloġiċi mhux ittrattati fil-ħin, u l-bqija, jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-fertilità naturali tal-koppja. Ħeġġet lill-koppji biex, bl-għażliet li jagħmlu, jagħtu attenzjoni lill-benessri ġenerali tagħhom, biex hekk jipproteġu wkoll is-saħħa riproduttiva tagħhom.

Waqt l-istess laqgħa, il-koppja Michael u Miriam Portelli qasmu l-esperjenza personali tagħhom tal-ħajja miżżewġa. Tkellmu dwar l-isfidi li għexu, u li kultant għadhom iħossu, minħabba l-fatt li, minkejja anki trattamenti tal-IVF, ma kellhomx tfal. Qasmu mal-koppji t-tbatija, kemm fiżika u kemm emozzjonali, li ġarrbu f’dak il-perjodu anki peress li l-professjoni tagħhom, bħala tabib u għalliema, kienet tlaqqagħhom spiss mat-trabi u tfal ta’ ħaddieħor. Minkejja dan l-uġigħ sieket, huma xehdu kif bir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla fit-talb, il-fiduċja fih kibret maż-żmien, u kif dawn, flimkien mal-għażla li jżommu sod ma’ xulxin, saħħew ir-rabta tagħhom flimkien. Temmew li din l-esperjenza li ġarrbu għallmithom ħafna, inkluż li t-tfal huma don u mhux dritt.

Hu u jirringrazzja lil Dr Spiteri u lill-koppja Portelli, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li kien ukoll preżenti għal din il-laqgħa, stqarr li t-tlieta li huma, minkejja li ma għandhomx tfal, kienu qed jitkellmu fuq il-ħajja u, aktar minn hekk, kienu qed jagħtu l-ħajja. U dan, mhux biss waqt din il-laqgħa speċifika, imma kontinwament permezz tal-ħidma professjonali u volontarja tagħhom. Tenna li hekk huma qed jgħixu l-maternità u l-paternità tagħhom, fl-ogħla stat tagħha, dik ta’ gratwità assoluta, mal-koppji u l-familji li jiltaqgħu magħhom kuljum.

Wara t-taħdita l-koppji preżenti baqgħu ‘jgħidu erbgħa kelmiet bejniethom’ u jieħdu xi ħaġa tal-ikel flimkien.

Nistiednu lill-koppji kollha fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ għall-appuntament li jmiss – dak tat-12 ta’ Diċembru fis-7.00pm. Aktar dettalji jingħataw fil-ġranet li ġejjin!

📷 Monica Grima

Aqsam fuq