Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru l-Kummissjoni Djoċesana għall-Pastorali tal-Familja żammet…

Sors: Facebook

Il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru l-Kummissjoni Djoċesana għall-Pastorali tal-Familja żammet laqgħa għall-persuni separati, bit-tema “X’nagħmlu bil-weġgħat u bir-rabja”, f’Dar Manresa.

Il-psikjatra Dr Anton Grech, il-kelliem ewlieni, ta bidu għal-laqgħa billi rrefera għal żewġ personalitajiet magħrufa fil-qasam tal-letteratura u tal-mużika. It-tnejn għaddew minn relazzjonijiet tossiċi. Kompla jispjega li minkejja li dawn ir-relazzjonijiet intemmu u ħallew warajhom ċerti konsegwenzi, dawn iż-żewġ personalitajiet irnexxielhom jegħlbu d-diffikultajiet, ikomplu mexjin ’il quddiem u jirnexxu f’ħajjithom.

Permezz ta’ dan l-eżempju, ried iwassal il-messaġġ li fil-ħajja lkoll ngħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli, uħud minnhom ikbar milli nkunu nistgħu nifilħu f’dak il-mument. Dawn l-esperjenzi jistgħu jħallu marka fina, iżda ma jiddefinixxu min aħna. Dak li verament jagħmel id-differenza huwa l-mod kif nagħżlu li nħarsu lejn is-sitwazzjonijiet u l-esperjenzi li ngħaddu minnhom u l-mod kif nagħżlu li nirreaġixxu għalihom.

Ġie enfasizzat ukoll kemm huwa importanti li ngħixu ħajja sana u bilanċjata, mhux biss mil-lat fiżiku, iżda wkoll dak emozzjonali u psikoloġiku. Dan jitlob minna li ma ningħalqux fina nfusna, iżda nibnu u nrawmu relazzjonijiet b’saħħithom ma’ persuni li verament jimpurtahom minna, li jkunu lesti jisimgħuna, li fihom insibu l-fiduċja u li jittrażmettu ħajja u enerġija pożittiva.

Kull sitwazzjoni, anki dik diffiċli, tista’ tinbidel f’opportunità biex insaħħu r-reżiljenza tagħna, nikbru bħala individwi u nsiru aktar konxji tagħna nfusna. Għalhekk, minflok ma nħallu esperjenzi negattivi jkissruna, jipparalizzawna jew ibiddluna f’persuni negattivi, għandna nagħżlu li nitgħallmu minnhom u nieqfu nirriflettu fuqhom u nistaqsu lilna nfusna:
“F’din is-sitwazzjoni, kif nista’ noħroġ minnha bħala persuna aħjar?”.

Mhux dejjem ikollna kontroll fuq dak li jiġrilna, iżda dejjem nistgħu naħdmu fuq l-attitudni tagħna, fuq il-mod kif nagħżlu li nkomplu mexjin ’il quddiem.

Aqsam fuq