Aqbeż għall-kontenut

L-Isqof Anton Teuma

Ritratt: CVC Media
Ir-Ritratt Uffiċjali tal-Isqof Anton Teuma

Id-Disa’ Isqof ta’ Għawdex

L-Isqof Anton Teuma

  • Twieled ix-Xagħra, Għawdex fil-11 ta’ Jannar 1964
  • Ikkonsagrat Isqof fir-Rotunda Arċipretali tax-Xewkija fil-21 ta’ Awwissu 2020
  • Isqof ta’ Għawdex mis-17 ta’ Ġunju 2020

L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Anton Teuma,

id-Disa’ Isqof ta’ Għawdex

Anton Teuma twieled fil-11 ta’ Jannar 1964, f’familja sempliċi u reliġjuża, bin Ewkaristu u Salvina, ġenituri ta’ erba’ wlied, fix-Xagħra, Għawdex. Missieru għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-2012.

Wara li attenda l-Iskola Primarja tax-Xagħra (1968-1974), kompla l-istudji tiegħu fl-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Aktar tard beda l-istudju tal-Filosofija u t-Teoloġija fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex (1981-1988). Matul is-sena intermedjarja, huwa ħadem f’Paramatta, l-Awstralja, bħala welder fil-Fabbrika Rheem li tispeċjalizza f’sistemi tal-misħun. Hemm kiseb il-liċenzji ta’ welder u ta’ electrician.

Ġie ordnat saċerdot nhar il-25 ta’ Ġunju 1988 minn Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex. Intbagħat Ruma fejn beda l-missjoni tiegħu bħala Vigarju Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja, li dakinhar il-kappillan tagħha kien Mons. Ġużepp Attard. Dun Anton kompla l-istudji tiegħu fl-Università Pontifiċja Salesjana, mnejn kiseb il-Baċellerat fix-Xjenzi tal-Edukazzjoni, u Liċenzja fil-Metodoloġija Pedagoġika (1988-1995).

Huwa baqa’ jaħdem fid-Djoċesi ta’ Ruma sal-1997. Matul dawn is-snin, barra l-ħidma tiegħu fil-parroċċa (1988-1995), kien Direttur Spiritwali estern tas-Seminarju Pontifiċju Ruman (1993-1995) u aktar tard Direttur Spiritwali intern tal-istess Seminarju Pontifiċju (1995-1997). Kien ukoll Assistent Spiritwali u Responsabbli tal-Komunitajiet Ewkaristiċi tad-Djoċesi ta’ Ruma (1996-1997).

Fl-1997, Dun Anton ġie msejjaħ lura Għawdex minn Mons. Isqof Cauchi u maħtur Rettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, missjoni li wettaq għal għaxar snin, sas-sena 2007. Minn Settembru 2007 sa Ġunju 2008 għamel sena sabbatika fl-Art Imqaddsa, fejn iddedika l-parti l-kbira tal-ħin għall-istudju u t-talb. Kiseb Diploma fil-Formazzjoni Biblika mill-Istitut Bibliku Franġiskan f’Ġerusalemm, u kien jgħin fl-assistenza pastorali lill-pellegrini fil-Bażilika tal-Qabar ta’ Kristu. Mis-sena 1998 sas-sena 2016 kien responsabbli u assistent spiritwali tal-Komunitajiet Ewkaristiċi fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Sadanittant, Dun Anton kiseb Baċellerat fix-Xjenzi tal-Formazzjoni, fl-Istitut għall-Formaturi anness mal-Istitut tal-Psikoloġija tal-Università Pontifiċja Gregorjana (2016). Kiseb ukoll Post-graduate Diploma fis-Systemic Family Psychotherapy mill-Istitut tat-Terapija tal-Familja, Malta (2018). Hu kien qiegħed ikompli l-Masters fiż-żewġ istituti msemmija.

Dun Anton kien Delegat tal-Isqof għall-Pastorali tal-Familja (2008-2020), Direttur tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II fil-Belt Victoria (2013-2021), responsabbli mill-kura pastorali taż-żona madwar l-Istitut, kif ukoll għalliem fis-Seminarju Maġġuri.

Minbarra l-ħidma pastorali fiż-żona ta’ madwar l-Istitut tal-Familja, parti kbira mill-ħidma ta’ Dun Anton kienet marbuta mal-familja: il-ħidma f’kollaborazzjoni ma’ numru kbir ta’ koppji animaturi fit-tħejjija u fl-organizzazzjoni tal-korsijiet tal-għarajjes; il-ħidma flimkien ma’ koppji oħra fil-formazzjoni kontinwa tal-familji; kif ukoll fil-ħinijiet ta’ counselling għad-dispożizzjoni ta’ familji f’diffikultà.

Fl-1997 inħatar membru tal-Kulleġġ tal-Konsulturi, membru tal-Kunsill Presbiterali u membru tal-Kunsill Pastorali Djoċesan.

Dun Anton ippubblika żewġ kotba u bosta artikli fuq il-familja, il-formazzjoni għas-saċerdozju u temi bibliċi. Huwa jħobb l-isport u x-xogħol manwali.

Fis-17 ta’ Ġunju 2020 tħabbret in-nomina ta’ Dun Anton Teuma mill-Q.T. il-Papa Franġisku bħala d-disa’ Isqof ta’ Għawdex. Hu rċieva l-Konsagrazzjoni Episkopali minn idejn il-predeċessur tiegħu l-Isqof Mario Grech, illum Kardinal, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, fil-21 ta’ Awwissu tal-istess sena.