L-Uffiċċju tad-Djakonija jikkordina l-ħidma soċjali u karitattiva tal-Knisja f’Għawdex, bħala espressjoni konkreta tal-imħabba ta’ Kristu lejn dawk li jinsabu fil-bżonn, b’attenzjoni partikulari lejn persuni u familji vulnerabbli u emarġinati. Din il-ħidma, imsejsa fuq id-dinjità ta’ kull persuna u fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja, issir kemm permezz ta’ servizzi professjonali u kemm permezz ta’ għajnuna diretta fil-ħtiġijiet ta’ kuljum, bħal ikel, ħwejjeġ u għajnuniet oħra.
Il-Knisja f’Għawdex toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi u inizjattivi soċjali u karitattivi. Dawn jinkludu djar għall-kura tal-anzjani u ta’ persuni b’diżabbiltà; ħidma ta’ appostolat soċjali favur il-ħajja; servizzi professjonali ta’ counselling u social work; servizzi ta’ respite għal familji li għandhom ulied b’diżabbiltà.
Permezz tal-Caritas u inizjattivi oħra, jitqassmu ikel, ħwejjeġ u għajnuniet oħra lil persuni fil-bżonn, filwaqt li jiġu organizzati wkoll ġabriet u inizjattivi biex jiġu appoġġjati proġetti soċjali f’Għawdex u barra minn pajjiżna. L-Uffiċċju jiffaċilita wkoll il-kollaborazzjoni ma’ aġenziji tal-Gvern, entitajiet tal-Knisja u servizzi professjonali oħra fil-qasam soċjali.
Parti mill-ħidma hija ddedikata wkoll lill-persuni li ġejjin minn pajjiżi oħra, permezz ta’ inizjattivi li jgħinuhom jintegraw fis-soċjetà, fosthom korsijiet tal-Ingliż għal residenti barranin u refuġjati biex ikunu jistgħu jikkomunikaw aħjar, jintegraw u jfittxu opportunitajiet ta’ xogħol. Il-Knisja tikkontribwixxi wkoll għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-immigranti f’pajjiżna, anki permezz ta’ servizz ta’ avukati bla ħlas f’kollaborazzjoni mal-Jesuit Refugee Services.
Il-preżenza djakonali tal-Knisja tidher ukoll fil-kura tal-morda u tal-anzjani, partikularment permezz tal-ħidma tal-kappillani tal-isptar, kif ukoll f’ħafna inizjattivi oħra li jwieġbu għall-ħtiġijiet konkreti tal-komunità.
B’dan il-mod, l-Uffiċċju tad-Djakonija jfittex li jħeġġeġ kultura ta’ solidarjetà, ġustizzja u servizz, filwaqt li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-parroċċi, l-entitajiet tal-Knisja, il-voluntiera u l-aġenziji soċjali, biex ħadd ma jitħalla waħdu quddiem il-bżonn jew it-tbatija.