Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Dejjem għandna x’nagħtu

Nhar il-Ħamis 19 ta’ Novembru, f’Dar Manresa, saret laqgħa għall-persuni ta’ terza età, immexxija mill-Isqof Anton Teuma. Wara t-talba tal-bidu u kanzunetta ta’ Michael Bennett, l-Isqof tkellem dwar il-valur u l-kontribut li l-anzjani għadhom jistgħu jagħtu lill-familji u lis-soċjetà.

Saħaq li sakemm il-bniedem għadu ħaj, dejjem għandu x’joffri, anki jekk ikun f’qiegħ ta’ sodda. Il-valur tiegħu ma jiddependix mis-saħħa fiżika jew mill-kapaċità li jaħdem, iżda mill-fatt li huwa persuna.

L-anzjani jistgħu jgħaddu lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar l-esperjenza tal-ħajja, il-valuri tal-imħabba, is-sagrifiċċju, ir-rispett u l-għaqda tal-familja. L-Isqof ħeġġeġ lin-nanniet jaqsmu l-esperjenzi tagħhom man-neputijiet u jgħallmuhom jaffaċċjaw id-diffikultajiet b’paċenzja u reżiljenza.

Tkellem ukoll dwar l-importanza li jgħaddu l-fidi, permezz tat-talb, tal-karità u tal-eżempju tagħhom, filwaqt li ħeġġeġ lill-anzjani jitolbu għal uliedhom u n-neputijiet.

Fl-aħħar fakkar li anki meta jkollhom bżonn l-għajnuna, l-anzjani jibqgħu jagħtu, għax il-vulnerabbiltà tagħhom tqajjem fina l-imħabba, il-kompassjoni u l-paċenzja. Il-laqgħa ntemmet b’mument ta’ fraternità.

Aqsam fuq