Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

B’rabta max-xewqa ta’ Papa Franġisku li l-itinerarju tat-tħejjija għas-Sagrament…

Sors: Facebook

B’rabta max-xewqa ta’ Papa Franġisku li l-itinerarju tat-tħejjija għas-Sagrament taż-Żwieġ ikun jinkludi wkoll mumenti esperjenzjali, nhar is-Sibt 6 ta’ Jannar, numru sabiħ ta’ koppji għarajjes li qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ fil-parroċċi Għawdxin ingħaqdu flimkien fis-Santwarju Ta’ Pinu għal ċelebrazzjoni djoċesana.

Iċ-ċelebrazzjoni, immexxija mill-Isqof Anton Teuma, kienet ispirata mill-versi tal-Għanja tal-Għanjiet: “Qegħedni bħal siġill fuq qalbek, siġill fuq driegħek... Ilmijiet kbar mhuma sa jaslu qatt biex jitfu l-imħabba, lanqas ix-xmajjar ma jġorruha magħhom” (8:6a,7a). Matul iċ-ċelebrazzjoni koppja żagħżugħa, Mark u Lianne Cassar, qasmu mal-għarajjes l-esperjenza personali tagħhom. B’mod partikolari huma tkellmu fuq kemm kienu importanti għalihom il-fidi u t-talb, meta fl-ewwel tmien snin taż-żwieġ tagħhom kellhom jaffrontaw il-biża’ li jitilfu t-tieni iben tagħhom, tul it-tqala u waqt operazzjoni serja li saritlu ftit xhur wara li twieled, kif ukoll it-telfa tat-tielet iben tagħhom. Huma qasmu mal-għarajjes frażi li kienu baqgħu jiftakru mil-laqgħat ta’ tħejjija għaż-żwieġ tagħhom, li l-koppja Nisranija għandha tintrabat flimkien f’triangolu: ir-raġel, il-mara u Alla. Qalulhom li jħossu li fit-tbatija kbira li għaddew minnha kienu proprju l-fidi u t-talb li kienu jagħtuhom il-paċi fil-qalb u jorbtuhom aktar flimkien bħala koppja.

Iċ-ċelebrazzjoni laħqet il-qofol tagħha bl-għotja tas-salib tal-maħbubin lill-għarajjes mill-Isqof, il-kappillani u saċerdoti oħra. F’kontinwazzjoni mat-testimonjanza ta’ Mark u Lianne, l-Isqof qal lill-għarajjes li l-imħabba tal-koppja ssir fiżika u reali mhux biss fl-intimità sesswali imma anki fis-sagrifiċċju, fl-impenn tar-raġel u l-mara li jkunu hemm għal xulxin anki fil-mumenti diffiċli. Tenna li fis-simbolu tas-salib b’żewgt iqlub fuqu li kien qed jingħata lill-għarajjes kien hemm fil-fatt tlett iqlub magħqudin flimkien, għaliex il-qalb ta’ Alla għandha l-forma ta’ salib! Ħeġġeġ lill-għarajjes biex jibnu r-relazzjoni tagħhom mal-persuna ta’ Ġesù u fuq l-imħabba tiegħu.

Iċ-ċelebrazzjoni kienet animata minn membri tal-Kor Djoċesan u rat ukoll il-parteċipazzjoni ta’ diversi operaturi pastorali li matul is-sena jakkumpanjaw lill-għarajjes tul il-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ tagħhom.

📷 Monica Grima

Aqsam fuq