Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Bejn is-6 u t-8 ta’ Marzu, fl-istess waqt li fid-Djoċesi tagħna seħħet iż-żjara…

Sors: Facebook

Bejn is-6 u t-8 ta’ Marzu, fl-istess waqt li fid-Djoċesi tagħna seħħet iż-żjara tal-Kurċifiss Mirakoluż meqjum fil-Knisja ta’ Ġieżu, il-Belt, il-Kummissjoni għall-Kleru organizzat seminar ta’ tlett ijiem għas-saċerdoti fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Dan tmexxa mill-Isqof Vittorio Francesco Viola OFM, li hu s-Segretarju tad-Dikasteru għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti.

Kienu jiem intensi fejn Mons. Viola għen lis-saċerdoti jirriflettu fuq il-mod taċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u l-viċinanza ta’ Ġesù fil-ħajja liturgika tal-Knisja, partikularment waqt il-quddiesa. Fakkar li l-liturġija hi esperjenza ta’ stagħġib tal-preżenza ta’ Ġesù daqshekk qrib tagħna. Fejn ma hemmx stagħġib, ma hemmx tassew ċelebrazzjoni. Wissa lis-saċerdoti biex jibżgħu mir-rutina, għax ir-rutina teqred l-istagħġib.

Fid-diskors tiegħu semma l-importanza tas-silenzju waqt iċ-ċelebrazzjoni, li huwa ġest ritwali: mingħajr mumenti ta’ skiet ma hemmx vera ċelebrazzjoni. Dan għaliex is-skiet huwa simbolu tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Fakkar li jeħtieġ li d-devozzjoni tkun iggwidata u edukata mill-liturġija, li hija l-ewwel forma tal-ispiritwalità Kristjana.

Il-Kummissjoni Liturġika kellha laqgħa interessanti ma’ Mons.Viola fejn fissritlu l-ħidma tagħha u hu stieden biex nagħmlu tagħna l-Ittra appostolika tal-Papa Franġisku "Desiderio desideravi" dwar il-formazzjoni liturġika tal-poplu ta’ Alla.

Aqsam fuq