Sors: Facebook
Bejn it-13 u l-15 ta’ Ottubru l-Kulleġġ tal-Kappillani Għawdxin kellu s-seminar annwali ta’ formazzjoni li nżamm f’Dar Manresa, li minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra tgħaddi lura taħt ir-responsabbiltà ta-Djoċesi.
Barra mumenti ta’ talb u riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla, l-Isqof kellu ċ-ċans jitkellem fit-tul mal-kappillani dwar il-Pjan Pastorali u dak li hu osserva fl-aħħar sena tul il-Viżta Pastorali f’kull parroċċa. Kull kappillan seta’ jagħti wkoll il-perspettiva tiegħu dwar dan.
Fl-aħħar ġurnata indirizzaw lill-kappillani diversi kelliema: il-Perita Ivana Farrugia fuq l-istat strutturali tal-knejjes u l-urġenzi ta’ restawr; Mons. Jimmy Xerri dwar il-ħidma tal-Caritas djoċesana; Mons. John Muscat dwar il-katekeżi u l-magħmudija tal-adulti kif ukoll dwar il-gruppi etniċi u residenti barranin fostna; Dun Injazju Borg dwar il-liturġija; u Dun Noel Debono dwar il-promozzjoni vokazzjonali.
Rappreżentanti ta’ Hospice Malta taw ukoll tagħrif dwar il-ħidma ta’ din l-għaqda ma’ dawk li jkunu għaddejjin minn tbatija fiżika u psikoloġika.