Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Bejn it-3 u l-5 ta’ Ġunju li għadda nżammu tlitt ijiem ta’ formazzjoni għall-kleru…

Sors: Facebook

Bejn it-3 u l-5 ta’ Ġunju li għadda nżammu tlitt ijiem ta’ formazzjoni għall-kleru bit-tema: “L-isfidi pastorali l-ġodda u d-dixxerniment morali”. Il-laqgħat tmexxew minn Dun Giovanni Del Missier, saċerdot mill-Arċidjoċesi ta’ Udine, lettur fl-Istitut Pontifiċju tal-Accademia Alfonsiana u tal-Università Pontifiċja tal-Lateran f’Ruma, u awtur ta’ diversi kotba ta’ bijoetika u teoloġija morali.

Fl-ewwel jum, ir-relatur ippreżenta l-punti prinċipali tal-iżvilupp tat-tagħlim morali taħt il-maġisteru tal-Papa Franġisku, partikularment fid-dawl tal-Eżortazzjoni appostolika Amoris lætitia. Hu tkellem dwar il-paradigma li qed isseħħ fil-Knisja u t-tagħlim tagħha u kif din tgħinna nifhmu l-isfidi u l-mistoqsijiet tal-mument. It-tieni jum kien ikkaratterizzat mit-tqassim f’erba’ gruppi fejn saret id-diskussjoni ta’ erba’ każijiet morali marbuta mat-tema tal-morali familjari u sesswali. Dan offra mument ta’ konfront u riflessjoni flimkien dwar l-atteġġjament li s-saċerdot għandu jkollu quddiem sitwazzjonijiet delikati u kumplessi. Fl-aħħar jum, ir-relatur għamel riflessjoni fuq l-aspetti etiċi marbuta mat-tema tal-ewtanasja u wara saret diskussjoni ta’ kif is-saċerdoti jistgħu jwasslu l-messaġġ sabiħ dwar il-valur tal-ħajja fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li għaddejja dwar l-ewtanasja volontarja assistita.

Dawk preżenti lkoll apprezzaw ir-riflessjonijiet li ħarġu matul dawn il-ġranet li għenu sabiex is-saċerdot jibqa’ jkun tassew ministru tal-ħniena ta’ Alla u akkumpanjatur li jdawwal il-kuxjenzi bil-verità sabiħa u ħelliesa tal-Vanġelu.

Aqsam fuq