Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Bejn it-3 u s-6 ta’ Settembru, fl-Auditorium Antonianum f’Ruma nżamm is-26 Kungress…

Sors: Facebook

Bejn it-3 u s-6 ta’ Settembru, fl-Auditorium Antonianum f’Ruma nżamm is-26 Kungress Marjoloġiku Marjan Internazzjonali bit-tema: “Ġublew u Sinodalità: Knisja b’wiċċ u prassi Marjana”, organizzat mill-Akkademja Pontifiċja Marjana Internazzjonali (PAMI). F’dan il-kungress ħadu sehem il-membri tal-PAMI, assoċjazzjonijiet Marjoloġiċi, studjużi tal-Marjoloġija, u diversi retturi ta’ santwarji Marjani: b’kollox madwar 500 persuna minn pajjiżi mxerrda fl-erba’ kontinenti. Jirrappreżenta lil Malta kien hemm Dun Gerard Buhagiar, eks Rettur tas-Santwarju Ta’ Pinu, li barra li għandu d-Dottorat fil-Marjoloġija, huwa wkoll membru tal-PAMI sa mill-2022. Hu ilu jieħu sehem f’dawn il-kungressi sa mis-sena 2000.

Għal dan il-kungress għall-ewwel darba fl-istorja ħadet sehem delegazzjoni Musulmana li qed tistudja flimkien mal-PAMI l-figura ta’ Marija. Kien il-Papa Franġisku li talab lill-PAMI biex twaqqaf u tmexxi dan il-grupp ta’ studju u djalogu bejn il-Kristjaneżmu u l-Iżlam. L-isem ta’ dan il-grupp interreliġjuż huwa Oikos. F’dan il-kungress tkellmu fuq “Marija bħala mudell, pont ta’ għaqda u strument ta’ paċi, partikularment fil-pajjiżi tal-Mediterran”. Minħabba f’hekk Dun Gerard, fejn qabel kien ikun fil-grupp tal-Assoċjazzjoni Marjoloġika Taljana, din id-darba ġie mistieden biex jieħu sehem f’dan il-grupp peress hu minn Malta.

Fl-ewwel jum filgħaxija l-kungressisti mxew ilkoll flimkien f’pellegrinaġġ ġubilari lejn il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

Id-diskorsi li saru kienu ta’ interess kbir, fosthom dak tal-Kardinal Mario Grech bit-tema: “Marija mudell ta’ Knisja Sinodali”.

Il-qofol intlaħaq fl-udjenza mal-Papa Ljun XIV fl-Awla Pawlu VI, li fl-aħħar tad-diskors tiegħu wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li l-Akkademja Marjana twettaq: “Grazzi ta’ dan is-servizz ekkleżjali, li jkompli jfakkarna li l-Knisja dejjem għandha wiċċ Marjan u prassi Marjana. Nifraħ ukoll lil dawk li ppreżentaw l-opri mużikali u artistiċi tagħhom għall-Premju internazzjonali annwali Marija, triq tal-paċi bejn il-kulturi. Għeżież, ħa tkun l-Akkademja tagħkom dejjem iżjed dar u skola miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jqiegħdu għas-servizz tal-Knisja l-istudji Marjani tagħhom. Għal dan nitlob u nseħibkom bil-barka tiegħi”.

Il-kungress kien taħt il-presidenza tal-Arċipriet tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, l-Em.T. il-Kardinal Rolandas Makrickas, flimkien mal-President tal-PAMI l-Marjologu Patri Stefano Cecchin OFM. Fi tmiem il-kungress tqassmu d-diplomi lill-membri l-ġodda tal-PAMI kif ukoll il-Premju Marjan fl-Arti u fil-Mużika.

Aqsam fuq