Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Bejn Settembru u April, bħala parti mill-programm tagħha tal-RCIA, id-Djoċesi ta’…

Sors: Facebook

Bejn Settembru u April, bħala parti mill-programm tagħha tal-RCIA, id-Djoċesi ta’ Għawdex, permezz tat-talb, id-dixxerniment u l-katekeżi, ħejjiet 11-il persuna bħala kandidati biex setgħu jsiru membri tal-Knisja Kattolika.

Fil-Velja tal-Għid f’Ta’ Pinu, l-Isqof George Bugeja OFM amministra s-Sagrament tal-Magħmudija lil wieħed minn dawn, waqt li erbgħa oħra ġew mgħammda fit-12 ta’ April fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita f’Ta’ Sannat.

Sitta oħra, li kienu diġà Nsara mgħammdin f’denominazzjoni oħra, ġew milqguħa f’komunjoni sħiħa fil-Knisja Kattolika, fil-Parroċċi Ta’ Sannat u tal-Qala.

Dawn il-Kattoliċi ġodda ġejjin minn diversi pajjiżi: l-Indoneżja, in-Nepal, it-Tuniżija, l-Indja, is-Sirja, ir-Renju Unit, il-Belġju, l-Afrika ta’ Isfel, u New York fl-Istati Uniti tal-Amerika. Ilkoll se jirċievu l-Konfirmazzjoni mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Velja ta’ Pentekoste, fit-23 ta’ Mejju li ġej, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu.

F’Ħadd il-Għid filgħodu, saret ukoll il-magħmudija ta’ tifla ta’ koppja mill-Indja li tgħix Għawdex u tieħu sehem fil-komunità Kattolika ta’ lingwa Ingliża li tiltaqa’ kull nhar ta’ Ħadd fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri.

Il-programm tal-RCIA f’Għawdex hu kkordinat minn Mons. John Muscat, Delegat tal-Isqof għall-Ekumeniżmu u Kordinatur tal-Gruppi Etniċi fid-Djoċesi, flimkien mat-tim li jgħinu.

(Ħajr lill-Parroċċa Ta' Sannat għal uħud mir-ritratti)

Aqsam fuq