Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Bi tħejjija għall-Ġublew tal-Ħajja Kkonsagrata bħala parti mis-Sena Mqaddsa tal-2025…

Sors: Facebook

Bi tħejjija għall-Ġublew tal-Ħajja Kkonsagrata bħala parti mis-Sena Mqaddsa tal-2025, id-Dikasteru għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika organizza laqgħa bejn l-1 u l-4 ta’ Frar f’Ruma. Għalih kienu mistiedna rappreżentanti mill-ħajja reliġjuża, minn istituti sekulari u mill-Ordo Virginum. Minn Għawdex attendew Josephine Galea u Nancy Grech, waqt li l-Għawdxija Rita Refalo kienet tirrappreżenta lil-Latvja. Malta kienet irrappreżentata wkoll minn Patri Joe Giuliano OFMCAP u Sr Victoria Sant DSH. Kienu preżenti erba’ persuni minn kull wieħed minn 60 pajjiż imferrxin mal-ħames kontinenti. Filwaqt li t-tema tal-Ġublew hija "Pellegrini tat-Tama", din il-laqgħa ngħatat it-tema "Pellegrini tat-tama fit-triq tal-paċi".

Il-programm kien imsejjes fuq il-konverżazzjoni tal-Ispirtu frott il-Mixja Sinodali. Il-parteċipanti nqasmu fuq l-imwejjed, u l-Ġiżwita Giacomo Costa, li huwa wieħed mis-Segretarji Speċjali tas-Sinodu, spjega n-natura tal-konverżazzjoni tal-Ispirtu u x’inhu djalogu.

Il-Ġimgħa l-parteċipanti, kulħadd fil-grupp tiegħu, tkellmu flimkien fuq it-tema Nikbru fl-imħabba: l-hena u t-taħbit. Dan sar f’atmosfera ta’ talb u kulħadd kien mistieden jitkellem bil-libertà kif imnebbaħ mill-Ispirtu. “Imma fuq kollox ġejna mistednin nisimgħu u nilqgħu b’qalb miftuħa. Anki jekk wieħed ma jaqbilx, seta’ bil-karità jitkellem. Nista’ ngħid li dawn kienu mumenti meraviljużi fejn smajna u aċċettajna lil xulxin u wasalna sabiex nagħtu risposti sinċieri dwar dak li jferraħ u dak li jnikket lill-persuna kkonsagrata fil-ħajja personali, fil-ħajja tal-Knisja, fil-ħajja soċjo-politika”, qalet Nancy mill-Ordni tal-Verġni.

Is-Sibt imbagħad kien ikkaratterizzat minn pellegrinaġġ lejn l-iScala Santa, il-Bażilika ta’ Santa Croce in Gerusalemme, il-Katakombi u l-Bażilika ta’ San Sebastjan, u l-Bażiliċi ta’ Santa Pressede u ta’ Santa Maria Maggiore. F’dawn il-postijiet qaddisa l-parteċipanti qasmu l-esperjenzi tagħhom.

Il-Ħadd ingħata rapport tal-proposti miġbura u l-parteċipanti ngħataw il-mandat biex imorru lura pajjiżhom u jaqsmu ma’ ħuthom il-ġid li huma kisbu.

Il-ħidma kollha mwettqa kienet taħt il-ħarsien patern tal-Kardinal João Braz de Aviz.

Aqsam fuq