Sors: Facebook
Dalgħodu fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar, żewġ seminaristi Għawdxin, Samuel Aquilina (mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria) u Marlon Victor Bajada (mill-Parroċċa Ta’ Kerċem), irċivew il-Ministeru tal-Lettorat.
L-Isqof Anton Teuma, li tahom dan il-Ministeru proprju fil-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla, fissru hekk fl-omelija tiegħu: “Inġbarna flimkien dalgħodu biex nagħmlu ġest sempliċi imma li jfisser ħafna. F’mument partikulari fil-mixja tagħhom lejn is-saċerdozju, dawn iż-żgħażagħ Marlon u Samuel jirċievu l-Kelma ta’ Alla bħala don minn Alla permezz tal-Knisja. Imma dan mhux sempliċiment rit jew ċerimonja, imma għandu tifsira profonda ħafna.
Meta jien f’isem il-Knisja ser ngħaddi l-ktieb tal-Vanġelu li rċiviet il-Knisja sa minn elfejn sena ilu lil dawn iż-żewġ żgħażagħ, jien qed nistedinhom biex jilqgħu din il-Kelma bħala l-gwida tal-ħajja tagħhom, bħala rigal minn Alla li jgħinhom jgħixu l-umanità tagħhom fil-milja tagħha.
Ma jeżistix fid-dinja mod isbaħ u aħjar ta’ kif wieħed għandu jgħix ħajtu mill-Kelma ta’ Alla!”.
Fid-dawl tal-Vanġelu tat-Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena (Mk 1:14-20), l-Isqof fakkar li l-Kelma ta’ Alla tistedinna għall-konverżjoni, timliena bil-ferħ u tagħmilna qaddejja ta’ xulxin.
“B’mod speċjali lilkom”, qal liż-żewġ letturi ġodda, il-Kelma ta’ Alla “titlob minnkom ix-xhieda. Id-don tal-Kelma li aħna lqajna u nippruvaw ngħixu, intom imsejħin biex tixhdu għalih mhux biss bil-ħajja tagħkom bħal kulħadd, imma anki bl-istess predikazzjoni, bl-istess mod ta’ kif tikkomunikaw fil-pastorali tagħkom ma’ kulħadd. Intom imsejħin biex din il-Kelma li ferħanin biha u ssir parti minn ħajjitkom, imbagħad tgħadduha, mhux bħala xogħol imma bi pjaċir. Għax il-gost tassew li tagħtina l-Kelma ta’ Alla ma nistgħux inżommuh għalina imma rridu naqsmuh ma’ ħaddieħor”.
📷 Renzo Bajada