Sors: Facebook
Dalgħodu l-komunità parrokkjali tal-Munxar f’Għawdex iċċelebrat il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl waqt Pontifikal Solenni mmexxi min-Nunzju Appostoliku għal Malta Mons. Savio Hon Tai-Fai, li għażel li jiċċelebra dan il-jum nazzjonali f’din il-lokalità, li din is-sena qed tfakkar il-100 anniversarju mill-konsagrazzjoni tal-knisja parrokkjali tagħha.
L-Appostlu tal-Ġnus ġie Malta fis-sena 60 WK, kif jirrakkonta sieħbu Luqa fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, rakkont li b’tant kburija jinqara fil-knejjes tagħna kull 10 ta’ Frar. Għalkemm ma hemm l-ebda prova storika li San Pawl rifes fuq Għawdex, statwa tal-ġebel fuq in-naħa ta’ wara tar-Rotunda tax-Xewkija tfakkar tradizzjoni antika li l-Għawdxin mirakolożament semgħuh jipprietka minn dawk l-inħawi tul it-tliet xhur li dam fostna. Li hu żgur hu li l-Għawdxin, bħal ħuthom il-Maltin, laqgħu x-xandir tal-Appostlu u saru Nsara.
Fil-Munxar, in-Nunzju Appostoliku fetaħ ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru din is-sena biex ifakkru s-60 anniversrju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Santa Sede u l-Istat Malti, li kienu bdew uffiċjalment fil-15 ta’ Diċembru 1965, bl-ewwel Nunzju jkun l-Arċisqof Amerikan Martin John O’Connor, li kien hu l-konsagrant prinċipali ta’ Mons. Nikol Ġ. Cauchi meta dan ġie ordnat Isqof Awżiljarju ta’ Għawdex fl-1967.
F’termini diplomatiċi n-Nunzju Appostoliku hu l-ekwivalenti ta’ Ambaxxatur f’pajjiż, u fil-fatt ir-rwol tiegħu hu li jirrappreżenta lill-Papa, li hu wkoll il-Kap tal-iżgħar Stat fid-dinja, il-Belt tal-Vatikan. Ikollu wkoll sehem importanti fl-għażla ta’ isqfijiet ġodda fil-pajjiż fejn iservi bħala Nunzju.
L-Arċisqof Tai-Fai, li hu minn Hong Kong, għandu 74 sena u hu Salesjan, hu l-15-il Nunzju Appostoliku f’pajjiżna, u barra Malta u Għawdex, jaqdi wkoll fil-Libja.
Fl-aħħar tal-quddiesa dalgħodu fil-Munxar, fil-preżenza wkoll tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, il-Kappillan Dun Anton Refalo ppreżentalu bħala tifkira xbieha ta’ San Pawl, waqt li ngħataw ukoll xi kutri meħjuta min-nisa Munxarin lill-Caritas djoċesana.