Sors: Facebook
Iċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajja tal-Milied tfakkarna li Alla hu preżenti f’kull sitwazzjoni tal-ħajja tagħna.
Hekk kif kienet diffikultà għal Marija li tispjega lil Ġużeppi dwar it-tqala straordinarja tagħha, hekk ħafna koppji lum ikollhom diffikultà fil-komunikazzjoni.
Hekk kif Marija u Ġużeppi kellhom diffikultà marbuta ma’ fejn joqogħdu biex jitwieled Ġesù, hekk ħafna koppji u familji llum isibuha bi tqila biex jixtru dar jew appartament fejn ikunu jistgħu joqogħdu bil-familja tagħhom.
Hekk kif Marija u Ġużeppi kellhom jimxu triq twila biex iwettqu l-ordni tal-Istat u jinkitbu, hekk ukoll koppji u familji llum jiltaqgħu ma’ diffikultajiet legali.
Il-ġrajjiet tal-familja ta’ Marija, Ġużeppi u Ġesù huma l-istess ġrajjiet tal-familji tagħna. U kif fil-Familja ta’ Nazaret kien hemm preżenti Alla, hekk jista’ jkun preżenti fil-familji tagħna. Anzi, mingħajr ma nafu, ilkoll kemm aħna neħtieġu din il-preżenza ta’ Alla.
U Hu lest li jiġi f’nofsna, sempliċiment jekk nagħmlulu ftit wisa’.