Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Fiż-żjara tal-aħħar ġranet f’Melbourne, l-Isqof Anton Teuma ltaqa’ mal-voluntiera li…

Sors: Facebook

Fiż-żjara tal-aħħar ġranet f’Melbourne, l-Isqof Anton Teuma ltaqa’ mal-voluntiera li jagħtu sehemhom fil-Knisja tal-Madonna Ta’ Pinu f’Bacchus Marsh, fejn ra l-ħidma li titwettaq matul is-sena, realtà li bdiet bil-ħidma ta’ Mons. Beneditt Camilleri u għadd ta’ emigranti Għawdxin, fosthom Dun Emanuel Bonello. Għall-quddiesa attendew għadd ta’ Maltin u Għawdxin, kif ukoll persuni ta’ etniji differenti li jiffrekwentaw dan il-post.

Żar ukoll iċ-Ċentru Kulturali Malti f’Albion fejn inżammet quddiesa u wara mument fratern mal-Maltin u l-Għawdxin preżenti, fosthom il-Konslu ta’ Malta għal Melbourne, Dr Giaconda Schembri.

Fil-Knisja ta’ St Paul’s, f’Sunshine Avenue, Kealba, ukoll attendew għall-quddiesa tiegħu diversi emigranti, u wara għamel żjara fil-Klabb tal-Għana f’St Albans.

F’Keilor Downs l-Isqof żar Rosary Home, dar tal-anzjani mmexxija mis-Sorijiet Dumnikani, fejn il-parti l-kbira tar-residenti huma emigranti Maltin u Għawdxin, li kienu minn tal-ewwel li ħallew lil xtutna għall-art Awstraljana. Hawn żar il-qabar fejn hu midfun Mons. Beneditt Camilleri.

L-Isqof ġie milqugħ ukoll minn Fr Rob Galea, saċerdot Malti li qiegħed iwettaq il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni f’Melbourne prinċipalment permezz tal-midja soċjali. Iż-żjara ntemmet b’intervista lill-Isqof fl-istess studjows.

L-aħħar quddiesa għal għadd ta’ emigranti Maltin u Għawdxin kienet fil-Parroċċa ta’ St Bernadette, f’Sunshine North.

Saret ukoll żjara fl-uffiċċju tal-Konsolat ta’ Malta għal Melbourne fejn kien milqugħ mill-Konslu u membri ċivili oħra li jaħdmu f’dan il-post; kif ukoll lill-Arċisqof ta’ Melbourne Mons. Peter Comensoli u l-Vigarju Ġenerali Fr Tony Kerin fil-Kurja Djoċesana. L-Arċisqof ta’ Melbourne apprezza l-ħidma u s-sehem tal-Maltin u l-Għawdxin fl-Awstralja u l-kontribut li kontinwamenti joffru fit-trasmissjoni tal-fidi ’l barra minn art twelidhom.

Aqsam fuq