Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk, li l-Franġiskani Konventwali ċċelebraw…

Sors: Facebook

Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk, li l-Franġiskani Konventwali ċċelebraw fil-Knisja tagħhom fil-Belt Victoria nhar il-Ħadd li għadda, il-Provinċjal Patri Colin Sammut ippreżenta l-komunità tal-patrijiet f’Għawdex lill-Isqof Anton Teuma, waqt li fil-preżenza tiegħu ġeddu l-impenn tal-ħidma tagħhom fid-Djoċesi Għawdxija. Bħala tifkira ta’ din l-ewwel żjara tiegħu huma offrewlu salib ta’ San Damjan u ċurkett bl-istemma Franġiskana.

Fl-omelija tal-quddiesa Mons. Isqof żvela li kellu x-xorti li l-irtir bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu f’Awwissu li għadda għamlu Assisi, għad-dell ta’ dan il-qaddis kbir li minnu jħossu ispirat ħafna fil-missjoni tiegħu bħala isqof. “Minn San Franġisk”, ikkummenta l-Isqof Teuma, “iktar ma tipprova tifhem, iktar ħa ssib x’titgħallem, għax hu qisu ktieb miftuħ li ma jispiċċa qatt”. Hu żied li l-kobor tal-Fqajjar ta’ Assisi, li wara sekli sħaħ għadu jsaħħar tant nies għal warajh, hu li mill-għarfien ta’ Kristu medd il-pass deċiżiv li jagħmel xi ħaġa għal ħutu, kif jidher mit-tgħanniqa tal-lebbruż.

Fi tmiem il-quddiesa l-Isqof ħareġ fuq iz-zuntier tal-knisja u bir-relikwa tal-qaddis bierek l-għelieqi u għamel talba għall-paċi.

Kunvent San Frangisk Gozo

Aqsam fuq