Sors: Facebook
Fl-okkażjoni tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa lbieraħ, l-Isqof ta’ Għawdex staqsa fejn hi l-imħabba tagħna, li suppost għandha bħala mudell lit-tliet Persuni tat-Trinità!
Waqt omelija filgħodu fil-Knisja Parrokkjali tal-Munxar, li kienet qed tiċċelebra l-Festa titulari ta’ San Pawl Nawfragu, huwa fakkar li l-‘magħmudija’ ta’ Malta fil-fidi li ġabilha l-Appostlu tal-Ġnus fissret li hi tegħreq fit-Trinità Qaddisa.
Imma “xi jfisser tegħreq fil-baħar tat-Trinità?”, staqsa. Pawlu llum qed isejħilna biex ngħixu f’din l-imħabba, għax Alla tagħna Trinità huwa l-Imħabba.
F’riflessjoni fuq ir-rakkont ta’ Luqa fl-Atti dwar in-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, l-Isqof Anton fakkar x’kienu l-erba’ attitudnijiet tal-Maltin meta laqgħu din il-grazzja kbira: kienu komunità li tilqa’ lill-barrani, li kellha sens kbir ta’ ġustizzja, li tagħraf il-limiti tagħha u kapaċi titlob, u li taf trodd ħajr.
Staqsa kemm minn dawn il-kwalitajiet għadek issibhom fostna, u fl-aħħar fakkar li ebda komunità Nisranija ma tista’ tgħaddi mingħajr is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, u l-għajxien tal-karità.
“Jekk komunità Nisranija tonqosha waħda minn dawn it-tliet karatteristiċi li Pawlu għammidna fihom, allura ma aħniex komunità ta’ Pawlu!”, temm jgħid, għax “ma hemmx ferħ jekk ma hemmx imħabba vera!”.
🎞️ Erġa’ segwi l-omelija kollha hawn.