Sors: Facebook
Fl-omelija li għamel fil-Kappella tas-Seminarju nhar it-Tnejn 30 ta’ Settembru, fil-bidu ta’ sena ġdida ta’ formazzjoni għas-seminaristi, l-Isqof tkellem dwar il-gratuwità tas-sejħat li jagħmel il-Mulej. Dan il-ħsieb kien imsejjes fuq il-qari tal-ġurnata, meħud mill-ktieb ta’ Ġob (1:6-22), li jgħid: “Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej!”. Hekk l-Isqof aċċenna kif is-sejħa għas-saċerdozju kif ukoll kull sejħa oħra li jagħmel il-Mulej hija don li Alla jagħti lill-bniedem mingħajr ma jistħoqqlu.
Fuq nota simili, l-Isqof kompla jikkummenta fuq il-Vanġelu li kien għadu kif tħabbar (Lq 9:46-50). Din is-silta meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa tirrakkonta meta l-Appostli qagħdu jiddibattu bejniethom dwar min hu l-akbar fosthom. L-Isqof kompla juri kif fil-vokazzjoni tan-Nisrani mhux biss hija importanti l-umiltà quddiem Alla, imma anki dik bejn il-bnedmin.
L-Isqof għalaq l-omelija tiegħu b’riferiment għall-qaddis li kien qed jiġi mfakkar f’dak il-jum, San Ġlormu, magħruf għat-traduzzjoni tal-Bibbja għal-Latin. Fakkar kemm hija importanti l-familjarità mal-Kelma ta’ Alla biex wieħed jagħmel dixxerniment veru.
📷 Jeremy Scicluna