Sors: Facebook
Fl-omelija tiegħu dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur, l-Isqof Anton Teuma qal li rridu nikkonvinċu aktar irwieħna mill-importanza tal-Ewkaristija, speċjalment dik tal-Ħadd, għax konvinti mill-ġid li nistgħu nieħdu minnha. 🥖🍷🙏🏼 F’dan, jgħallmuna ħafna l-Appostli Pietru u Pawlu li llum qed niċċelebraw il-Martirju tagħhom.
Bħal-Lhud li semgħu d-diskors ta’ Ġesù fuq l-Ewkaristija, Pietru wkoll sabha bi tqila biex jifhem kif jista’ xi ħadd jagħti ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb. Fl-Aħħar Ċena ma jridx jaċċetta kif Ġesù jista’ jħobbu daqshekk, għax hu iktar iffukat fuqu nnifsu u d-dgħufijiet tiegħu, flok fuq il-ġenn tal-imħabba ta’ Alla li qed jagħti lilu nnifsu. Imma wara l-Qawmien, Pietru nduna li mhux hu jħobb lil Ġesù, imma Ġesù jħobb lil Pietru... u hemm fehem x’inhi tassew l-Ewkaristija.
L-Isqof fl-omelija tiegħu kompla jgħid li l-Ewkaristija mhix sempliċiment il-quddiesa li nieħdu sehem fiha fil-knisja u nieqfu hemm. Ma nistgħux naqflu l-quddiesa fil-knisja, u Pawlu fl-ittri tiegħu jurina t-triq biex ngħixuha fil-ħajja. Hu qatt ma ltaqa’ ma’ Ġesù wiċċ imb wiċċ, imma kien konvint mill-preżenza ħajja ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, u fil-fatt kien hu l-ewwel wieħed li tana bil-miktub ir-rakkont tat-twaqqif tagħha.
Fl-ewwel ittri tiegħu l-Appostlu tal-Ġnus jeħodha kontra l-Insara li jiċċelebraw l-Ewkaristija u ma jagħtux kas ta’ min hu fqir, anzi jagħmlu differenza bejn is-sinjuri u l-fqar. Hekk jurina li l-ikbar dnub kontra l-Ewkaristija huwa l-firda.
Anki Pawlu fehem bil-mod kif għandu jgħix l-Ewkaristija. L-ewwel jurina kif l-Ewkaristija tfakkarna li aħna nbatu f’din il-ħajja, imma mbagħad għad naslu għall-glorja. Imbagħad iżid li aħna nistgħu ngħixu l-Ewkaristija jekk nippruvaw inbiddlu l-ħajja tagħna għall-aħjar u mmutu għad-dnub: il-konverżjoni. Jimxi wkoll pass ieħor u jgħallem li l-qsim tal-ħobż isir ukoll meta naqsam ħajti għall-oħrajn: il-qadi. Fl-aħħar Pawlu mill-ħabs fehem li r-raba’ u l-ogħla tarġa tal-Ewkaristija hi l-offerta personali lil Alla għall-ġid tad-dinja. Issa li spiċċa bla saħħa, wara daqshekk xogħol fl-għalqa tal-Mulej, isir hu offerta sħiħa lil Alla, f’att ta’ mħabba personali forsi wkoll moħbija għal għajnejn id-dinja, imma hi l-essenza tal-enerġija vera: Ewkaristija għas-salvazzjoni tal-oħrajn
“Jalla kull darba li nieħdu sehem fl-Ewkaristija jkollna l-esperjenza ta’ Pietru li nifhmu tassew x’inhi l-Ewkaristija, u meta noħorġu barra nippruvaw ngħixu bl-aspirazzjonijiet ta’ Pawlu li mhux biss iċċelebra l-Ewkaristija imma wkoll għexha”, temm jgħid l-Isqof ta’ Għawdex.
Finalment fakkar li qabel Pawlu rifes fuq art twelidna, meta fuq il-ġifen ma kellhom ebda tama li jsalvaw, hu ċċelebra l-Ewkaristija. “Forsi l-bieb tal-fidi ta’ dawk li bil-mod il-mod qed jitbiegħdu mill-Knisja mhux għajr li nerġgħu niskopru l-Ewkaristija”.
🎞️ Segwi l-omelija kollha hawn...