Sors: Facebook
Fl-omelija tiegħu fil-Festa tal-Viżitazzjoni fl-Għarb, ilbieraħ l-Isqof Anton tkellem fuq il-ferħ fid-dar ta’ Eliżabetta, li hu dovut lill-preżenza tal-Kelma fil-ħajja ta’ Marija u x-xewqa ta’ Żakkarija u martu li jkollhom lil Alla fiċ-ċentru tad-dar tagħhom.
“Il-ġrajja li qed infakkru llum ma ġratx ġo xi tempju jew palazz”, qal l-Isqof Anton, “imma f’dar fejn tgħix il-familja. Huwa proprju fil-familja li tiġi ċċelebrata l-laqgħa bejn Marija u Eliżabetta, li hi fuq kollox ċelebrazzjoni ta’ ferħ, li jasal saħansitra sal-ġuf ta’ dawn iż-żewġ nisa”.
Anki aħna, huwa ħeġġeġ, fid-djar tagħna stess “imsejħin biex ikollna l-ferħ u nkunu kuntenti”.
🔹 Ferħ li ġej mill-Kelma
L-Isqof ta’ Għawdex semma kif qabel l-episodju taż-Żjara, l-anġlu Gabrijel kien ġa kellem lil Marija fid-dar tagħha, u din diġà hi tweġiba għal kif jista’ jkollna l-ferħ fid-dar tagħna. “L-anġlu qiegħed fid-dar tagħna? Il-Kelma ta’ Alla x’post għandha fil-ħin tal-ġurnata tagħna? It-talb baqagħlu post fil-ħajja tagħna”, staqsa l-Isqof.
Għalhekk Marija u Eliżabetta jistednuna biex fl-istorja ta’ ħajjitna t-talb jibqagħlu post importanti, u nagħtu ċans lil Alla jiltaqa’ magħna fil-ġrajjiet normali ta’ ħajjitna. “Għalxejn nitħabtu kull tant u tant biex niċċelebraw minn barra l-festi kbar tal-Knisja, jekk imbagħad inwarrbu dan il-ferħ li Marija u Eliżabetta qed jipprovdulna, jiġifieri l-esperjenza ta’ ferħ kontinwu”.
🔹 Ferħ minkejja d-diffikultajiet
“Tgħid Marija ma kellhiex diffikultajiet? Forsi Ġużeppi ma qagħadx jiddiskuti magħha fuq is-sitwazzjoni ta’ tqala li ħadd ma kien jaf mnejn ġiet? Forsi hi ma kinitx imħassba fuq il-futur? Possibbli Eliżabetta ma kinitx inkwetata minħabba l-fatt li issa Żakkarija ma jistax jitkellem u hux ħa jibqa’ mutu wara li jitwieled it-tifel?”.
Minkejja dan kollu, l-Isqof fakkar li aħna niċċelebraw din il-laqgħa mimlija ferħ bejn dawn iż-żewġ nisa, u dan kollu jkompli jurina li min għandu lil Alla f’ħajtu, kapaċi jara mhux biss in-negattiv u jeħel fuqu, imma bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu kapaċi jara wkoll l-aspetti pożittivi tal-ħajja u jiċċelebrahom.
“Ħafna drabi fil-familja nispiċċaw nikkonċentraw biss fuq il-problemi. L-Ispirtu ta’ Alla jiftħilna għajnejna biex nibqgħu naraw ir-rigali li qed nirċievu kontinwament”, qal l-Isqof.
🔹 M’aħniex proprjetarji ta’ oġġetti
L-Isqof fakkar li mkien fir-rakkont taż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta ma nsibu li t-tarbija kienet ta’ Eliżabetta jew ta’ Marija. Fil-fatt, nisimgħu lil Eliżabetta tgħidilha: “It-tarbija li għandi fil-ġuf” (Lq 1:44), imma mhux ‘it-tarbija tiegħi’.
“Forsi din verità li ma tantx iddoqq sabiħ fi żmienna, għax l-attitudni tagħna hi li nkunu proprjetarji u nikkunsidraw bħala tagħna dak li jista’ jaqdina. Imma jekk irridu verament ingawdu minn dak kollu li hemm madwarna, ma nistgħux nqisu lil dawn il-persuni, b’mod speċjali t-trabi li jikbru fina u jitwieldu minna, bħala proprjetà jew oġġett”, wissa l-Isqof, għax “dawn huma persuna oħra!”.
Dan jikkonfermah il-fatt li l-persuni fil-ġuf ta’ Marija u Eliżabetta huma kapaċi jirrelataw flimkien. “It-tarbija hi ieħor, u tirreaġixxi indipendentement minn dak li tixtieq l-omm”.
🔹 Il-persuna ma hemmx prezzha
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex irrifletta wkoll fuq kif il-persuna mhix oġġett li għandu xi prezz. Allura “ma nistgħux ngħidu li fil-ġuf il-bniedem jiswa mod, u meta joħroġ jiswa mod ieħor”, għax il-persuna dejjem għandha dinjità, mill-bidu sal-aħħar nett, u “ma tistax tingħata prezz, imma għandha dejjem tiġi apprezzata u meqjusa b’dinjità”.
Hawn hu wissa lill-ġenituri li, għalkemm uliedna nqisuhom bħala tagħna, imma fil-fatt mhumiex, tant li “meta ibnek ma jagħmilx dak li xtaqt int, int ma tistax teskludih”.
“L-esperjenza tkompli tgħallimna li l-iskop aħħari tat-tnissil u t-twelid hija l-identità u d-dinjità tal-persuna umana, ta’ dak it-tifel jew tifla li huma differenti minna u għandhom ħajjithom”, kompla jtenni.
🔹 Osservaturi u adoraturi quddiem misteru
Fuq din il-linja l-Isqof żied jgħid kemm irridu noqogħdu attenti biex ma nikkundizzjonawx minn kmieni l-ħajja ta’ wliedna, meta “nipprogrammawlhom ħajjithom sa minn meta għadhom żgħar, biex nissodisfaw dawk il-lakuni li aħna f’ħajjitna ma rnexxilniex nimlew”.
Żakkarija u Eliżabetta ma ġabux ruħhom b’dan il-mod ma’ Ġwanni l-Battista, għax kieku kien jispiċċa saċerdot bħal missieru. U anki Marija “tosserva lil Ġesù u tara l-misteru jinfetaħ quddiemha”, imqar jekk fis-sejba fit-Tempju hi u Ġużeppi ma fehmuhx.
“Aħna ma nistgħux inkunu proprjetarji fil-familji tagħna, imma osservaturi u adoraturi tal-misteru li jaraw jiżvolġi quddiemhom”, kompla jgħid l-Isqof, waqt li fisser kif hi l-imħabba li għandha timmarka r-relazzjonijiet fil-familji tagħna, waħda li tfittex il-veru ġid u żvilupp ta’ wliedna.
Dan kollu joħroġ minn familja li għandha lil Alla fiċ-ċentru tal-ħajja tagħha, għax dan huwa “ġid li jmur kollu favur il-familja, is-soċjetà, il-pajjiż”. Wara kollox Alla jixtieq biss ħaġa waħda: li aħna nkunu veri magħna nfusna u mal-oħrajn, u hekk inkunu kuntenti.
🔹 Nixtiequ verament il-ġid lil xulxin
Interpellat mid-djalogu sabiħ f’dan il-Vanġelu (Lq 1:39-45), fejn Eliżabetta lil Marija tgħidilha: “Hienja int... imbierka int fost in-nisa!”, l-Isqof staqsa jekk l-awgurji u x-xewqat tagħna humiex veri u profondi, inkella humiex ħerġin biss mill-etikett.
“Il-Vanġelu jgħallimna l-interess veru f’xulxin: nixtieqlek il-ġid minn qalbi tassew! Din is-sinċerità bejnietna tiġi miċ-ċertezza li aħna verament maħbubin minn Alla”. Għalhekk “ejjew inqisu ħajjitna bħala rigal, u relazzjoni mal-għajnejn sbieħ ta’ Alla li kontinwament jurina li aħna maħbubin”, temm l-omelija tiegħu l-Isqof Teuma.