Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Fl-omelija tiegħu fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, fil-Bażilika tan-Nadur…

Sors: Facebook

Fl-omelija tiegħu fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, fil-Bażilika tan-Nadur dalgħodu, l-Isqof Anton Teuma qal li l-memorja ta’ dawn l-Appostli kbar tal-Knisja hija l-memorja ta’ Kristu nnifsu, fl-Ewkaristija li għaliha ċarċru demmhom.

🔹 “Memoria Apostolorum”

Semma kif il-Katakombi ta’ San Bastjan fuq Via Appia f’Ruma sa mill-qedem kienu jissejħu “Memoria Apostolurum”. Dan għax kien f’dan il-post li fil-persekuzzjoni ta’ Valerjanu fis-sena 257, l-Insara, għax beżgħu li r-relikwi tal-Appostli setgħu jispiċċaw f’idejn ir-Rumani, qalgħu dawn il-fdalijiet mill-post oriġinali tad-dfin tagħhom – speċjalment ta’ Pietru u Pawlu – u skont it-tradizzjoni ħbewhom hawn.

Hawn kienet tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija fuq il-fdalijiet ta’ dawn il-‘kolonni tal-Knisja’, u hekk il-“memoria Christi” twaħħdet mal-“memoria Apostolorum”. Sal-lum, hemm post li fih kienet tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija, fuq l-għadam tal-qaddisin martri l-kbar li xandru għall-ewwel darba l-Qawmien ta’ Ġesù.

L-Isqof fakkar li “aħna wkoll bħalissa qed nagħmlu din it-tifkira li ħallielna Ġesù u li għaddewlna l-Appostli, b’mod speċjali Pietru u Pawlu”. Għall-ewlenin Insara, l-Ewkaristija kienet kollox, u sal-lum, kollox għadu marbut magħha.

Semma l-episodju li jirrakkonta l-Atti tal-Appostli (20:7-12) tal-inċident ta’ Ewtiku, li kien wieħed miż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-Ewkaristija fi Troas. Pawlu dam il-lejl kollu jipprietka waqt il-Qsim tal-Ħobż, u Ewktiku, li kien fit-tieqa fit-tielet sular, tah il-mejt, raqad u waqa’ għal isfel. Imma Pawlu jinżel u jirxuxtah. Daqshekk kienet importanti l-Ewkaristija għall-ewwel Insara!

L-Isqof Anton ħeġġeġ biex ma nitilfux din is-sbuħija tal-“memoria Apostolorum” fil-preżenza ħajja ta’ Ġesù, li għaliha Pietru u Pawlu taw ħajjithom.

🔹 Pawlu jittraduċi l-Ewkaristija fil-ħajja ta’ kuljum

Fakkar kif Pawlu għandu f’idejh il-ktieb u s-sejf, li t-tnejn huma sinjali tal-Kelma ta’ Alla. Hu xandar il-Kelma, u dik żgur ħalliet xi ħaġa fina, bħal xabla li taqta’ b’żewġt ixfar, kif jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud.

Mill-Atti tal-Appostli (2:42) toħroġ ċara d-drawwa tal-ewwel Insara li kienu “jżommu sħiħ” fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, u wkoll u fil-Qsim tal-Ħobż.

San Pawl f’1 Korintin 11 jgħaqqad b’mod sabiħ immens l-Ewkaristija mal-ħajja tagħna ta’ kuljum. Aħna niċċelebraw l-Ewkaristija, naqsmu l-istess ħobża u nixorbu l-istess kalċi, għax aħna aħwa ta’ xulxin.

Pawlu kien jaf x’kien qed jgħid meta qal li aħna aħwa, għax wara d-dehra ta’ Damasku hu għadda minn ħajja ta’ persekuzzjoni kontra l-Insara għall-ħajja fi Kristu u fil-Knisja. Id-dehra li kellu fit-triq ta’ Damasku qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq: kienet ġrajja fundamentali li jsemmiha almenu tliet darbiet fl-Atti.

“Għalhekk mal-quddiesa li qed niċċelebraw”, qal l-Isqof, Pawlu “għaqqad l-esperjenzi tal-ħajja li ngħaddu minnhom. Jgħidilna li bħall-istess ħobża li aħna nieklu minnha, aħna ġisem wieħed u rridu ngħixu hemm barra dak li ngħixu hawn ġew bħala Ewkaristija”.

Semma kif spiss l-Insara tal-Knisja tal-bidu kienu jispiċċaw jitlewmu anki wara li jkunu ċċelebraw l-Ewkaristija. Imma x’jiswa li niġu niċċelebraw l-Ewkaristija, biex imbagħad aħna mifrudin minn xulxin?, jistaqsi Pawlu.

🔹 Inħarsu lejn Pietru u Pawlu

L-Isqof hawn ikkummenta kif aħna bħala poplu għandna l-manija li jekk ma naħsbuhiex bħal xulxin, allura neħduha kontra xulxin. “Ħarsu lejn Pietru u Pawlu”, huwa ħeġġeġ; “kienu l-estremi ta’ kontra xulxin, imma kienu kapaċi jgħixu flimkien”.

Wieħed kien sajjied sempliċi minn Betsajda, u Pawlu minn Tarsu l-belt tal-filosfi. Bniedem intelliġentissmu, saħansitra jmur Ġerusalemm biex jissaħħaħ fid-drawwiet tal-Fariżej u jistudja taħt Gamaljel, meqjus bħala l-ogħla rabbi tal-Ġudaiżmu.

Pietru spontanju, impulsiv, jidhirlu li jaf ħafna, u sikwit ilaqqatha fuq rasu minn Ġesù nnifsu, u Pawlu bniedem li jirraġuna, jargumenta, ilaqqatha fuq rasu, imma qatt ma jċedi, ikompli jipprietka fuq Ġesù. Isib spiss reżistenza imma jibqa’ reżiljenti. “U anki aħna rridu nkunu kapaċi bħal Pawlu naċċettaw li l-oħrajn ħa jirribellaw għalina u li nidhru koroh għax aħna Nsara”.

“Ħarsu lejn Pietru u Pawlu... żewġ estremi totalment differenti minn xulxin”, kompla jgħid l-Isqof. “Imma kapaċi jaħdmu ma’ xulxin. Iġġieldu kemm-il darba, imma baqgħu ma’ xulxin. Dan għax dak li kien jorbothom kien skop ċar quddiemhom: Ġesù Kristu. L-esperjenza tal-imħabba li t-tnejn li huma ġarrbu fil-ħajja tagħhom, tathom il-ħila u l-libertà li jibqgħu jxandru lil Ġesù lil kulħadd.”

🔹 Bnew komunitajiet

L-Isqof temm l-omelija tiegħu biex qal li “Pietru u Pawlu ħadmu għal xi ħaġa sempliċi imma fl-istess ħin impenjattiva: biex jibnu l-komunitajiet Insara, gruppi ta’ nies madwar Ġesù”, nies li jinteressaw ruħhom f’xulxin u jgħixu l-Vanġelu ta’ veru. Kapaċi jweġġgħu imma wkoll jaħfru lil xulxin.

“Għalhekk huma l-kolonni li fuqhom mibnija l-Knisja”, tenna, għax bnew komunitajiet, Pietru qalb il-Lhud, u Pawlu qalb il-Ġentili. U hekk għandha tkun ix-xewqa tagħna lkoll: li nibnu komunitajiet Insara, “kemm aħna s-saċerdoti u kemm il-lajċi”.

Fakkar li Pietru u Pawlu kellhom ħafna lajċi madwarhom. Għax il-komunità Nisranija ma jistax jibniha l-Isqof jew l-Arċipriet waħdu. “Dan l-ispirtu ta’ Pietru u Pawlu, ta’ komunjoni qalb id-differenzi, għandna bżonnha ħafna fil-ħajja”... f’pajjiżna, fil-komunitajiet tagħna. Għax “jekk ma jkollokx komunità li ssostnik, kif ħa jirnexxilek tgħix il-ħajja Nisranija, qalb tant konsumiżmu u materjaliżmu!”.

🔹 Festa ta’ kuraġġ

Fl-aħħar tal-omelija l-Isqof ta’ Għawdex talba lill-Mulej biex, “bl-interċessjoni ta’ dawn iż-żewġ qaddisin kbar, ma naqtgħux qalbna. Il-Festa ta’ dawn it-tnejn għandna tkun għalina injezzjoni ta’ kuraġġ, tiġdid tal-Magħmudija u tal-Griżma tagħna, tal-għażliet tal-ħajja Nisranija”.

Wissa biex ma nħallux il-Festa ta’ San Pietru u San Pawl “tibqa’ sempliċiment fil-knisja u fil-pjazza”, imma “din il-‘memoria Christi’ li qed niċċelebraw issir ‘memoria Apostolorum’ fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, biex ngħixu l-imħabba ta’ bejnietna kif għallmuna Pietru u Pawlu”.

Aqsam fuq