Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Fuq inizjattiva tal-Uffiċċju Kleru tad-Djoċesi ta’ Għawdex u bl-għajnuna tal-Isqof Anton…

Sors: Facebook

Fuq inizjattiva tal-Uffiċċju Kleru tad-Djoċesi ta’ Għawdex u bl-għajnuna tal-Isqof Anton Teuma u l-Aġenzija Djoċesana Gaudos Tours immexxija minn Mons. Ġwann Sultana, ġie organizzat Pellegrinaġġ bejn il-11 u t-18 ta’ Mejju għas-saċerdoti Għawdxin fi Franza.

Il-pellegrinaġġ beda minn Pariġi fejn, wara żjara lill-Katidral ta’ Notre Dame u l-Bażilika tal-Qalb ta’ Ġesù, qaddsu fil-Kappella tal-Midalja Mirakoluża u wara żaru l-fdalijiet ta’ San Vinċenz De Paul. Filgħaxija waslu Lisieux fin-Normandija. Qaddsu fil-Bażilika ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u filgħaxija waslu Mont St Michel fejn l-għada qaddsu fil-Knisja ta’ San Pietru. Minn hemm fi triqithom lejn il-Katidral ta’ Chartres waqfu fil-Bażilika ta’ Pontmain u komplew lejn Nevers fejn taw qima lill-fdalijiet ta’ Santa Bernardetta Soubirous. Minn Nevers għaddew Paray-le-Monial u żaru s-Santwarji tad-Dehriet tal-Qalb ta’ Ġesù kif ukoll is-Santwarju fejn hemm meqjuma l-fdalijiet ta’ San Klawdju de la Colombière u Santa Margerita María Alacoque.

L-aħħar waqfa kienet Lyon. Fi triqithom lejn din it-tieni l-ikbar belt Franċiża waqfu u qaddsu Ars fl-altar tal-qaddis San Ġwann Marija Vianney, u minn Lyon lejn Grenoble żaru s-Santwarju tad-Dehra tal-Madonna lit-tfal ta’ La Salette fost xenarju mill-isbaħ. L-aħħar ġurnata żaru l-Bażilika tal-Madonna fuq l-għolja ta’ Lyon, il-Verġni ta’ Fourvier, u temmew iż-żjara tagħhom fil-Katidral tal-belt.

Postijiet oħra li żaru kienu Cluny, Avranches u Taizé.

Kienu b’kollox 16-il qassis. Ivvjaġġaw f’żewġ minibuses b’xufiera Maltin u fil-vjaġġi tagħhom setgħu jitolbu l-Uffiċċju Divin u jkantawh. Kienet tassew esperjenza spiritwali mill-isbaħ. Grazzi kbira lill-organizzaturi.

Aqsam fuq