Sors: Facebook
Nota Pastorali fl-okkażjoni tal-miġja fostna tal-Kurċifiss Mirakoluż Ta’ Ġieżu u tal-Pellegrinaġġ tal-Ġublew fl-Ewwel Ħadd tar-Randan
Għeżież,
Għaxart ijiem oħra nibdew ir-Randan Imqaddes. Huwa ż-żmien li jwassalna biex ngħixu l-misteru tat-tbatija, tal-mewt u tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u fl-istess waqt, ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa żmien li jrid jgħinna niffukaw fuq il-fatt li aħna maħbubin minn Alla u fuq is-sejħa li għandna li nħobbu lil xulxin – sejħa li Ġesù tenna fil-Vanġelu li smajna (ara Lq 6:27-38).
Din l-imħabba kbira ta’ Alla lejna nistgħu nikkontemplawha f’Ġesù Msallab: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13); “Alla hekk ħabb id-dinja, li bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).
F’din is-sena tal-Ġublew tat-Tama, il-bidu tar-Randan ser ikun wieħed speċjali għalina lkoll. Wara li kull wieħed u waħda minna niċċelebraw Ras ir-Randan fil-parroċċi u fil-knejjes tagħna, id-Djoċesi tagħna ser ikollha l-grazzja li tilqa’ l-Kurċifiss Mirakoluż meqjum fil-Knisja Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Il-Kurċifiss ser ikun espost għall-qima tagħna fil-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem, minn nhar il-Ġimgħa 7 sa nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu.
Imbagħad, nhar il-Ħadd 9 ta’ Marzu, fl-4.00pm ninġabru lkoll flimkien – Għawdex kollu – biex nagħmlu l-Pellegrinaġġ tal-Ġublew: nimxu lkoll – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – wara Ġesù Msallab, mill-Knisja ta’ Sant’Antnin saz-Zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ Għajnsielem. Hemm ikollna ċelebrazzjoni għażiża li fiha nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nagħtu Qima Komunitarja lis-Salib Imqaddes. Dakinhar kull parroċċa ser torganizza trasport sal-Knisja ta’ Sant’Antnin, biex kulħadd ikun jista’ jieħu sehem. Dakinhar ukoll, fil-parroċċi u fil-knejjes l-oħra ta’ Għawdex ma jkunx hemm quddies bejn l-4.00pm u s-7.00pm.
Fil-jiem li fihom il-Kurċifiss Mirakoluż ikun espost għall-qima, wieħed jista’ jikseb l-Indulġenza Plenarja bil-kundizzjonijiet mitluba għal żjara ta’ qima fil-Knisja jew inkella jekk jieħu sehem fil-Pellegrinaġġ.
“Huma għad iħarsu lejn min nifdu” (Ġw 19:37). Bħan-nisa tal-Vanġelu, li qagħdu jħarsu lejn l-Imsallab mill-bogħod (ara Mt 27:55), ilkoll kemm aħna għandna bżonn insammru għajnejna fuq il-ġisem mejjet ta’ Ġesù. Anki jekk, kif jistqarr Iżaija, “wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem” (52:14), Ġesù Msallab huwa l-isbaħ xbieha ta’ Alla li “hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena” (Lq 6:35), hu li ħabb lilna li konna għedewwa tiegħu, għamel il-ġid lil min sallbu, u li minn fuq is-salib talab għal min żebilħu (ara Lq 6:27-28).
Ejjew nimxu warajh u nieqfu nħarsu lejh, biex kif jgħidilna l-qaddis Dun Ġorġ Preca, nieħdu minnu t-tagħlim tal-ħajja ta’ dejjem.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria, illum it-Tnejn 10 ta’ Frar tas-Sena Mqaddsa 2025, Solennità tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl.
✠ Anton Teuma
Isqof ta’ Għawdex