Sors: Facebook
Id-Djoċesi ta’ Għawdex b’kollaborazzjoni mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (Museum) (Sezzjoni Femminili) organizzat kors qasir għall-katekisti fil-bidu ta’ din is-sena kateketika l-ġdida, maqsum fuq żewġ appuntamenti: l-Erbgħa 11 u l-Erbgħa 18 ta’ Settembru, fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla.
L-ewwel laqgħa tmexxiet mill-membri tal-Museum infushom. Bdiet b’mument ta’ talb billi saret riflessjoni fuq is-silta biblika ta’ meta Ġesù laqa’ lit-tfal iż-żgħar fi ħdanu. Il-laqgħa kompliet b’taħdita li t-tema tagħha kienet: “Il-katekist/a quddiem attitudnijiet differenti fit-tfal u ż-żgħażagħ”. Waqt din it-taħdita l-kelliema aċċennat għal kif il-katekist għandu jġib ruħu quddiem attitudnijiet u bżonnijiet diversi fit-tfal u l-adolexxenti li jiġi f’kuntatt magħhom. Il-laqgħa tmexxiet mis-soċji Dorianne Pace u Rosanne Fenech rispettivament.
It-tieni laqgħa, li bdiet b’mument ta’ riflessjoni u talb mis-soċja Pauline Grech, tmexxiet mir-Rev. Prof. Carl Mario Sultana, Segretarju tal-Konferenzi Episkopali Ewropej għall-Katekeżi, bit-tema “Il-katekeżi fil-kultura tal-lum”. Din it-taħdita ffukat b’mod speċjali fuq kif il-katekist jista’ jirnexxilu jwassal lil Alla lit-tfal u l-adolexxenti fil-kultura tal-lum... f’dinja fejn għal xi wħud Alla ma jfisser xejn. Fl-aħħar tal-laqgħa għamel kelmtejn l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.