Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

“Il-festa li qed nagħmlu lil dan il-qaddis kbir hija sejħa u motivazzjoni qawwija

Sors: Facebook

“Il-festa li qed nagħmlu lil dan il-qaddis kbir hija sejħa u motivazzjoni qawwija. F’li tkun Ġorġjan hemm xi ħaġa sabiħa, li timliek bil-hena”, qal l-Isqof Anton Teuma fl-omelija tal-bieraħ fil-Festa titulari ta’ San Ġorġ Martri fil-Bażilika tiegħu fil-Belt Victoria.

Huwa saħaq li mhux faċli li bħal San Ġorġ timxi wara Kristu sal-punt li tagħti ġidek u anki ħajtek, u għalhekk ma ħassx li kien jesaġera meta qal li “San Ġorġ kien Ewkaristija, offerta”, fejn sar “l-ikel għall-ħajja, il-kuraġġ u t-tama ta’ ħaddieħor”.

L-Isqof sejjes il-ħsieb tal-omelija tiegħu fuq ir-rakkont famuż tal-“Legenda aurea” dwar San Ġorġ li joqtol id-dragun, fejn l-awtur Jacopo de Voragine “joqgħod attent biex hu u jirrakkonta l-battalja bejn Ġorġi u d-dragun, jgħid li Ġorġi ma qatilx hu d-dragun”, imma kienet il-prinċipessa li hu ħeles minn ħalq il-mewt li “rabtet id-dragun biċ-ċintorin tagħha u ħaditu lejn il-belt”, fejn id-dragun inqatel “meta s-sultan u n-nies kollha tal-belt wegħdu lil Ġorġi li se jsiru Nsara”.

Minn dan kollu l-Isqof ħa spunt biex fisser kif nistgħu niġġieldu lid-draguni li “qed jheddu l-ħajja tagħna llum”, li bħal dak tal-istorja, huma diffiċli biex neqirduhom u għadhom magħna sal-lum, b’karatteristiċi tassew tal-biża’, fost l-oħrajn li ma xxebbagħhom b’xejn u jagħmlu kundizzjonijiet li ftit ftit jeqirduna.

Fil-leġġenda msemmija, in-nies tal-belt baqgħu jagħlfu lid-dragun, u din “kienet saret sistema ta’ poplu, bħal ħafna sistemi qerrieda li jikluna bla ma nindunaw bħal draguni, u aħna nitimgħuhom bil-biża’ li se jibilgħuna, imma fil-verità nkunu diġà qed nagħtuhom iċ-ċans jibilgħuna”.

Dan sakemm ma jiġix xi ħadd qalbieni bħal San Ġorġ li jattakkahom, bi prezz għoli wkoll, bħalma ġralu hu għax dan swielu l-martirju.

Fost id-draguni ta’ żmienna l-Isqof semma dak tal-istatus u l-klassi soċjali li qed jikkundizzjona tant familji żgħar, kif ukoll dak tan-nuqqas ta’ sens, li jwassal lil tant żgħażagħ biex ifittxu l-ferħ fejn ma jistgħux isibuh. Anki fil-każ tat-tfal hemm id-dragun li jrid kollox issa u kif irid hu, kif ukoll dak tal-firda tal-ġenituri li twassal lill-ulied biex jitilfu x-xewqat tagħhom fil-ħajja. Semma fl-aħħar nett l-egoiżmu bħala “l-agħar dragun ta’ żminijietna”.

“Dawn id-draguni ta’ żmien San Ġorġ li naħsbu li huma ħrafa, huma l-verità li qed ngħixu fiha lkoll kemm aħna. U dan hu l-gwaj: meta aħna naħsbu li d-draguni ma jeżistux, meta naħsbu li l-ħluq miftuħin u l-istonku kbir li jibla’ kulma jiġi quddiemu ma għadux jeżisti fis-soċjetà tagħna”, saħaq l-Isqof.

U għalhekk “għandna bżonnu lil San Ġorġ biex jiġi, u aħna miegħu nikkumbattu dawn id-draguni”, kompla jgħid, għax hu, “flok ma jinqabad f’din ix-xibka tad-dragun, li l-ħin kollu jiġbed għalih, qabad u mar hu u affrontah”, u f’ċertu sens “spiċċa ikel tad-dragun... kieku ma aħniex niċċelebraw il-martirju tiegħu”.

“Hawn hu l-iktar iebes għalina l-Insara”, esprima ruħu l-Isqof, “imma din hi l-isfida! San Ġorġ ta mhux biss ġidu, il-qawwa tiegħu, id-daqqiet ta’ lanza, imma ta lilu nnifsu fil-martirju. Sar Ewkaristija, ħobż mitħun, biex meta belgħu d-dragun, dan beda bil-mod il-mod imajna”. Għax “meta d-dragun jibla’ l-ġenerożità tal-Kristjani, meta aħna tassew nagħmlu għażliet differenti mill-bqija tal-oħra, mhux bil-paroli, u nagħti biċċa minni nnifsi lill-oħrajn, hemm id-dragun jibda jiddgħajjef”.

L-Isqof faħħar l-inizjattiva tal-Kappella ġdida tal-Ewkaristija fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, mimlija mużajk sabiħ ta’ stil Biżantin. Imma wissa wkoll biex din ma tibqax “biċċa arti, xi ħaġa ta’ mużew”, għax l-Ewkaristija trid tiġi “stampata fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna”, u “timxi u tħobb” permezz tagħna.

“Ġorġi huwa Ġorġi għax huwa bniedem tal-Ewkaristija. Bħalma Ġorġi ta lilu nnifsu għall-martirju, Ġesù Kristu jagħti lilu nnifsu kontinwament lilna li aħna dgħajfin, biex jagħtina l-qawwa u l-enerġija ħalli aħna wkoll insiru Ewkaristija”, temm jgħid l-Isqof, waqt li talab lil San Ġorġ “jistampa l-qalb tiegħu fil-qalb tagħna”.

🎥 Erġa' segwi l-omelija kollha hawn.

Aqsam fuq