Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

“Il-festa ta’ din il-mara kbira, Santa Marija, hi l-festa tal-għaqda, ir-restawr u…

Sors: Facebook

“Il-festa ta’ din il-mara kbira, Santa Marija, hi l-festa tal-għaqda, ir-restawr u l-fejqan tal-firda bejn ir-ruħ u l-ġisem”. Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma lbieraħ filgħodu fil-Katidral ta’ Għawdex, waqt il-Pontifikal ta’ Santa Marija li għalih attendiet għall-ewwel darba l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.

“Illum qed niċċelebraw biċċa mill-art fis-Sema”, kompla l-Isqof, fejn Marija tiġi meħuda bir-ruħ u l-ġisem. “Imma l-festa tal-lum hi possibbli għax Marija niżżlet is-Sema fl-art: fiha tnissel, kiber u trabba l-istess Iben ta’ Alla”.

Fl-omelija għas-Solennità tal-Assunta, l-Isqof ta’ Għawdex għażel li jitkellem fuq żewġ firdiet preżenti fis-soċjetà tagħna: dik bejn ir-ruħ u l-ġisem u dik bejn il-bniedem u Alla, li “bla ma nindunaw spiss iġibulna sitwazzjoni ta’ dwejjaq”, għax “kull tiċrita ġġib magħha weġgħa, li ħafna drabi tinbidel malajr f’sens ta’ ħtija jew ta’ rabja”.

Imma “jekk bl-għajnuna tal-grazzja nagħżlu li ngħaqqdu flimkien ir-ruħ u l-ġisem”, allura “mil-lum aħna wkoll, bħal Marija, inniżżlu biċċa mis-Sema fl-art”, tenna l-Isqof.

“Aħna spiss ninsew li aħna maħluqa xbieha ta’ Alla” u li “f’kull wieħed u waħda minna hemm immarkata t-Trinità”. Għalhekk inġarrbu s-sentimenti tar-rabja u l-ħtija, “li jiġu mill-biża’, għax jonqos l-iskop ta’ dawn l-erbat ijiem li għandna fuq l-art”.

“Marija hi waħda minna, u allura aħna wkoll nistgħu nimitawha, biex nitgħallmu nħitu t-tiċritiet li jinbtu f’ħajjitna”, ħeġġeġ l-Isqof Anton, waqt li rrikonoxxa li hemm feriti li ma nistgħux infejquhom għax parti mill-umanità dgħajfa tagħna, waqt li hemm “tiċritiet oħra li nistgħu nirranġaw jekk inħarsu lejn Marija, hekk meta jasal il-waqt ma jkunx diffiċli li nitilgħu magħha fis-Sema”.

Għaldaqstant, “l-impenn tagħna hu li ngħixu s-Sema fl-art”, reġa’ qal, u dan ma jaqtagħniex mir-realtà, anzi nkunu bnedmin veri “marbuta mas-sors tal-eżistenza li hu Alla”.

L-Isqof aċċenna għal tliet mumenti mill-ħajja ta’ Marija fejn hi għexet din l-esperjenza u għandha ħafna x’tgħallimna.

“L-esperjenza tat-Tħabbira tal-Anġlu ma kinitx unika”, fakkar l-Isqof, “imma nistgħu nagħmluha lkoll meta nisimgħu b’serjetà l-Kelma ta’ Alla” li tagħtina direzzjoni f’ħajjitna.

Lil Marija Alla ħasadha għax, għalkemm hi kellha ppjanat li tibqa’ verġni, hu kellimha fuq it-tnissil u t-twelid ta’ tarbija. Hawn hi twieġeb: “Ħa jkun minni skont kelmtek”.

“Fi żmienna”, irrimarka l-Isqofm waqt li rrifera għall-IVF, ħloqna firda bejn il-ħajja tagħna u Alla, meta rridu nnisslu l-ulied kif jogħġob lilna. Imma żied jgħid li “l-problema vera qiegħda meta lil Alla ngħidulu: “Hawn nagħmel kif irrid jien”, u hekk it-tiċrita tikber flok tfiq.

Jista’ jkun hemm ukoll tiċrita fir-relazzjonijiet, fakkar l-Isqof. “Kemm nisimgħu b’relazzjonijiet foloz, mimlijin b’apparenza u kliem sabiħ, imma jgħattu firdiet kbar! Apparentement jidhru normali, imma meta tidħol fil-fond issib li hemm ħafna għira”.

Anki hawn, huwa fakkar li “Marija tgħallimna s-sinċerità, l-imħabba, l-awtentiċità”. Għalkemm kienet tiġi minn Eliżabetta, imma kienet differenti minnha fuq diversi livelli. Safrattant, ma joqogħdux jaraw id-differenzi ta’ bejniethom, imma jqisu lil xulxin b’rispett.

“Irridu niġġieldu magħna nfusna biex negħlbu ċerti sentimenti, bħall-għira, speċjalment bejn l-aħwa”, qal l-Isqof. Jekk flok bħal Marija, lil Alla ngħidulu: “‘Hawn nikkmanda jien u mhux int’, allura nistgħu ninsewhom ir-relazzjonijiet awtentiċi”. Dan l-atteġġjament “ipoġġina f’infern minn din id-dinja”.

L-Isqof ta’ Għawdex fakkar kif l-evanġelista jfisser l-imġiba ta’ Marija fit-twelid ta’ Ġesù b’żewġ kelmiet biss: “Fisqietu u medditu f’maxtura”, li juru “l-kura, l-affezzjoni u l-imħabba kontinwa” tagħha għal Binha.

Kuntrarjament, hemm ġenituri llum li lit-tfal ma jistmawhomx bħala persuni differenti minnhom, imma bħala oġġett, tant li jimpurtax jekk iħalluhom waħidhom, “għax l-importanti nara kif inkun sew jien”.

“Kemm għandna bżonnha fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna din il-konvinzjoni li nitilqu lilna nfusna fil-providenza ta’ Alla, li jrid biss il-ġid tagħna”, kompla jgħid l-Isqof. “Aħna ngħixu kontinwament bit-tfesfisa tax-xitan lil Eva: li Alla ma jridniex ferħana”. Żied li d-dnub oriġinali li lkoll inġorru fina hu n-nuqqas ta’ fiduċja f’Alla.

Għalhekk “Marija tgħallimna l-attenzjoni għal kull persuna, li ġġorr fiha t-timbru ta’ Alla. Kull persuna”, fakkar l-Isqof, “hi statwa ħajja ta’ Alla, u allura jixirqilha dejjem l-ogħla rispett, iktar minn kull proġett ieħor li jista’ jkollna”. U hawn Marija tgħallimna nistmaw lil kull bniedem “qisu kien l-Iben tagħha”.

Fl-aħħar nett huwa qal li l-Knisja hija l-post fejn “niftakru li aħna wkoll ulied il-Missier u aħwa ta’ xulxin”. Anki Marija marret it-Tempju ta’ Ġerusalemm flimkien ma’ żewġha biex tippreżenta lil Binha, waqt li trabbih ukoll “fil-biża’ u l-imħabba ta’ Alla”.

“Kif nistgħu ngħixu bl-enerġija tal-Ispirtu, jekk abbandunajna l-quddiesa tal-Ħadd?”, staqsa l-Isqof, u wissa li “f’soċjetà mingħajr Alla, fejn is-Sema ma tkunx fl-art, bil-mod il-mod din l-art tagħna ssir infern, għax ma nibqgħux kapaċi ngħixu ma’ xulxin fir-rispett u l-imħabba”.

“Is-Sema ma jħassarx il-festi tal-art” u lanqas iridna mdejqin, temm jgħid l-Isqof, “imma jagħmilhom iktar awtentiċi”, kif kienet Santa Marija: “sabiħa mhux biss minn barra, imma għax taf tħobb, tħenn, tgħin u taqdi”.

🎥 Segwi l-omelija kollha hawn

Aqsam fuq