Sors: Facebook
Il-Ħadd 25 ta’ Ottubru 2026, fis-Sala ta’ Dar Manresa, inżammet laqgħa ta’ formazzjoni għall-ġenituri tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ bit-tema “L-użu tax-xorb u s-sustanzi”. Il-kelliema kienu Dr Chantelle Azzopardi, psikjatra fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u Dr Noel Xerri, Uffiċjal Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Oasi.
Dr Xerri spjega li mhux kull min juża s-sustanzi jsir dipendenti, iżda r-riskju huwa kbir. Huwa wera kif l-użu tagħhom jagħti sensazzjoni ta’ pjaċir immedjat li, maż-żmien, tonqos, filwaqt li tikber il-kilba għas-sustanza. Id-dipendenza tista’ tiżviluppa tul diversi snin. Semma wkoll iż-żieda fil-każijiet ta’ abbuż minn sustanzi f’Għawdex, fosthom il-kannabis, il-kokaina u l-eroina. Fost l-adolexxenti, l-użu jista’ jibda mix-xewqa li jħossuhom parti minn grupp.
Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ sforz kollettiv biex tinbidel l-attitudni lejn id-droga, bħalma nbidlet dik lejn it-tipjip. Żied li jeħtieġ li ż-żgħażagħ ma jibnux l-aspettattivi tagħhom ta’ ferħ u sodisfazzjon fuq stil ta’ ħajja lussuż u stravaganti.
Dr Azzopardi enfasizzat l-importanza tal-preżenza tal-ġenituri fil-ħajja ta’ wliedhom, filwaqt li tħeġġiġhom jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilhom. Jekk jindunaw li wliedhom qed jużaw id-droga, il-ġenituri għandhom joffrulhom għajnuna u appoġġ mingħajr ġudizzju jew paniku żejjed.
Il-laqgħa ntemmet b’sessjoni ta’ mistoqsijiet, li fiha l-parteċipanti esprimew it-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ azzjoni diretta mill-awtoritajiet.