Sors: Facebook
Il-Ħadd 5 ta’ Mejju waranofsinhar, il-Kummissjoni fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex responsabbli għall-Pastorali mal-Familja organizzat l-attività Dejjem jonqoshom, fil-Ġnien ta’ Villa Rundle, il-Belt Victoria.
Fl-ambjent naturali u kalm ta’ dan il-ġnien fil-qalba tal-belt Għawdxija, il-ġurnalista Mark Lawrence Zammit immodera djalogu bejn tliet kelliema professjonisti fil-qasam tal-psikoloġija, tal-psikjatrija u tar-relazzjonijiet bejn il-koppji, il-ġenituri u l-ulied. Dawn kienu Dr Nicholas Briffa, Dr Anton Grech u s-Sa Elaine Schembri Lia. Il-parteċipanti kellhom l-opportunità ta’ interazzjoni waqt id-diskussjoni, li ffukat prinċipalment fuq l-atteġġjamenti fil-familja speċjalment f’sitwazzjonijiet partikulari, bħalma hu n-nuqqas ta’ komunikazzjoni li spiss jinħoloq fl-età tal-adolexxenza.
Id-djalogu mess diversi temi li jirrigwardaw it-trobbija, il-psikoloġija u s-saħħa mentali, fost l-oħrajn ħiliet speċifiċi ta’ trobbija relatati mal-kura bażika tat-tfal, is-saħħa, is-sikurezza u l-iżvilupp tat-tfal, l-interazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, u l-ġestjoni tal-imġiba tat-tfal.
Sadattant, it-tfal kellhom l-opportunità li jieħdu sehem f’logħob u attrazzjonijiet apposta għalihom.
📷 Monica Grima