Sors: Facebook
“Il-Ħbieb sal-Bieb?” kienet it-tema tat-tielet appuntament djoċesan, li nżamm is-Sibt 21 ta’ Frar, fis-Sala Parrokkjali ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria, għall-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ.
Il-laqgħa tmexxiet mill-Arċipriet Joseph Curmi. Hu semma kif ġuvni u tfajla jidħlu fiż-żwieġ bi sfond ta’ relazzjonijiet u ħbiberiji personali. Ikun hemm għalhekk il-ħtieġa li konxjament jaraw flimkien lil min se jdaħħlu, metaforikament u mhux, ’il ġewwa mill-bieb tad-dar tagħhom. Ġie osservat kif maż-żmien inbidlet il-mentalità li tradizzjonalment kienet iżżomm mal-qawl “il-ħbieb sal-bieb”, u l-ħbiberiji qed isiru dejjem aktar parti mill-ħajja tal-koppja miżżewġa. Dan il-bżonn naturali, li hu minnu nnifsu pożittiv, jitlob attenzjoni biex il-ħbiberiji, u relazzjonijiet oħra ’l barra mill-koppja, ma jinċidux negattivament fuq ir-relazzjoni taż-żwieġ.
Issemma, ngħidu aħna, il-bżonn ta’ attenzjoni meta xi ħadd mill-koppja jkun iqatta’ ħafna ħin barra mid-dar minħabba x-xogħol. Issemma wkoll il-bżonn ta’ quality time fejn il-koppja tikkomunika mhux tant fuq dak li hu urġenti imma fuq dak li jkunu għaddejjin minnu individwalment, b’mod partikolari fuq livell emottiv. In-nuqqas ta’ din it-tip ta’ attenzjoni jista’ jwassal biex parti mill-koppja tħossha waħedha u mhux mifhuma, u hekk tkun vulnerabbli għal relazzjonijiet mhux adegwati (unhealthy) ’il barra miż-żwieġ.
Permezz ta’ diskussjoni informali fuq xenarji differenti, bħar-relazzjonijiet mal-ġenituri rispettivi, relazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, ħbiberiji fuq il-midja soċjali, u l-bqija, il-koppji preżenti setgħu mbagħad jirriflettu flimkien fuq il-konfini li hemm bżonn jiġu stabbiliti biex id-diversi ħbiberiji u r-relazzjonijiet jgħinu u mhux ifixklu ż-żwieġ tagħhom.
Din l-attività kienet tagħmel parti mis-sensiela ta’ erba’ appuntamenti djoċesani “Ngħidu 4 kelmiet bejnietna” li qed jiġu organizzati għall-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ matul din is-sena pastorali. L-aħħar appuntament, dak tas-16 ta’ Mejju, ser ikollu t-tema “Meta jkollna t-tfal”. Il-koppji fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ huma lkoll mistiedna jieħdu sehem!