Sors: Facebook
Il-Kardinal Mario Grech, li kif nafu huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, iltaqa’ mal-komunità djoċesana Għawdxija f’laqgħa li nżammet ilbieraħ it-Tlieta 4 ta’ Jannar fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, fejn qasam ir-riflessjonijiet tiegħu fuq il-Mixja Sinodali li għaddejja bħalissa fil-Knisja kollha.
Il-laqgħa, li għaliha attendew għadd sabiħ ta’ membri tal-kleru, reliġjużi u lajċi impenjati fil-pastorali tal-Knisja f’Għawdex, kienet indirizzata wkoll mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma li wera kif il-Pjan Pastorali li qed jitwettaq bħalissa fid-Djoċesi ta’ Għawdex huwa tweġiba konkreta għas-sejħa tal-Papa “għal Knisja Sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni”.
Il-Kardinal Mario insista li l-proposta sinodali, fl-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II li beda jiltaqa’ 60 sena ilu, mhix limitata għal ġrajja ta’ ftit snin, imma hi l-istil tal-ħajja kollha tal-Knisja, li min-natura tagħha hi “sinodali”. Hu stieden lill-poplu ta’ Alla biex jidħol f’din il-mentalità, mhux iżjed ta’ qasma bejn ġerarkija u l-bqija tal-imgħammdin, imma ta’ poplu wieħed qaddis ta’ Alla li hu “infallibbli fil-fidi”, kif iħobb jirrepeti l-Papa huwa u jikkwota l-'Lumen Gentium'. Ħeġġeġ biex nerġgħu lura għall-proposta tal-Eżortazzjoni appostolika 'Evangelii gaudium', li Franġisku tana fil-bidu tal-pontifikat tiegħu.
Il-laqgħa nżammet ukoll f’kuntest ċelebrattiv, fejn il-miġemgħa talbet id-dawl tal-Ispirtu s-Santu bit-talba tas-Sinodu – l-Adsumus – u ddawlet mis-silta ta’ Kornelju fl-Atti tal-Appostli (10:9-35,44-48) li ntgħażlet mill-Kardinal Mario bħala ‘ikona’ tal-proċess sinodali.
Tqassmet ukoll lil dawk preżenti u lill-parroċċi kopja bil-Malti tad-Dokument Preparatorju mħejji mis-Segreterija tas-Sinodu.
[ritratti: Anthony Grech]