Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Il-Komunità Anglikana f’Għawdex flimkien mal-Leġjun ta’ Marja u l-Uffiċċju ta’…

Sors: Facebook

Il-Komunità Anglikana f’Għawdex flimkien mal-Leġjun ta’ Marja u l-Uffiċċju ta’ Kordinament tal-Komunitajiet Etniċi fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex organizzaw Servizz Ekumeniku fl-okkażjoni tal-Ottavarju ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara. Il-Komunità Ortodossa Serba u l-Komunitajiet etniċi f’Għawdex kienu mistiedna wkoll. Din is-sena din il-Laqgħa ta’ Talb saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar, nhar l-Erbgħa 22 ta’ Jannar, fl-4.00pm. L-attendenza kienet waħda numeruża.

It-tema ta’ din is-sena, mibnija fuq id-djalogu bejn Ġesù u Marta fid-dar ta’ Betanja (Ġw 11:17-27), kienet iċċentrata fuq id-domanda provokattiva li Ġesù għamel lil Marta: “Temmnu inti dan?”. Il-materjal tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Knejjes Insara 2025 ġie mħejji mill-Komunità ta’ Bose, fl-Italja ta’ Fuq, bis-sehem ta’ monaċi, patrijiet u sorijiet, li jiffurmaw din il-komunità li toffri spazju ta’ talb u meditazzjoni għal dawk kollha li jżuruhom. Dawn ħadmu flimkien biex ħejjew it-talb u r-riflessjonijiet li ntużaw waqt din il-Laqgħa ta’ Talb.

Fl-assenza tal-Isqof ta’ Għawdex li bħalissa impenjat bil-Viżta Pastorali fil-parroċċi, il-Kan. Anton Refalo, Kappillan tal-Munxar, mexxa s-Servizz, u miegħu ħadu sehem il-Kan. David Wright, Kanċillier tal-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta u Kappillan tal-Knisja Anglikana f’Malta u Għawdex, u Mons. Noel Saliba, il-Kordinatur tal-Komunitajiet Etniċi f’Għawdex fi ħdan is-Segretarjat tal-Ministeru Pastorali tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Wara indirizz ta’ merħba mill-Kappillan Refalo, sar rit penitenzjali u t-talb tal-bidu, u nqrat is-silta mill-Ktieb tad-Dewteronomju 6:4-9 dwar l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, mis-Sinjura Susan Warner tal-Komunità Anglikana f’Għawdex. Dan il-qari kien segwit mis-Salm 131 bir-responsorju: “Ittama fil-Mulej, minn issa u għal dejjem”, li nqara mis-Sur Vincent Vella, membru tal-Leġjun ta’ Marija f’Għawdex. Imbagħad is-silta mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru (1:3-9), li tirreferi għall-ħniena kbira li wriena Alla l-Missier fi Kristu Ġesù li bil-mewt u l-qawmien tiegħu tana ħajja ġdida, inqrat mis-Sur David Felice Pace, membru tal-Komunità Kattolika Ingliża f’Għawdex. Is-silta mill-Vanġelu skont San Ġwann 20:24-29, fejn Kristu jistieden lill-Appostlu Tumas, quddiem il-Komunità, biex jemmen, ġiet ipproklamata minn Mons. Noel Saliba.

Dritt wara, Mons. Noel Saliba wassal messaġġ qasir li fih irrefera għall-Konċilju ta’ Nicea li din is-sena jaħbat l-1700 anniversarju minn meta ltaqa’, kienu ħadu sehem fih rappreżentanti mill-komunitajiet Insara madwar id-dinja ta’ dak iż-żmien, u tawna l-Kredu. Dan il-Konċilju li tlaqqa’ fis-sena 325 kien esperjenza fejn, quddiem dubji u ideat diverġenti, l-Insara, fi klima ta’ talb, iddiskutew flimkien fi spirtu ta’ aħwa u ħarġu bil-konklużjoni tal-Kredu li jibda bil-kelmiet: “Aħna nemmnu...”. Imbagħad irrefera għall-Vanġelu li fuqu nbniet it-tema ta’ din is-sena, fejn Kristu jagħmel domanda personali, diretta u provokattiva lil Marta: “Temmnu inti dan?”. U Marta tagħmel stqarrija ta’ fidi fi Kristu li kulma jitlob lill-Missier iseħħ anki issa. Mons. Saliba kkonkluda billi qal li quddiem kull differenza li jista’ jkun hemm bejnietna, aħna msejħin nemmnu fi Kristu bħala dak li jgħaqqadna u jagħtina ħajja ġdida f’komunità waħda.

Il-Kan. David Wright, tal-Komunjoni Anglikana, wassal messaġġ li fih stieden lil dawk preżenti biex jirriflettu fuq il-pittura ta’ Giotto li hemm fil-Bażilika Inferjuri ta’ Assisi fejn fuq naħa hemm episodji mill-ħajja ta’ Kristu u fuq in-naħa l-oħra hemm episodji mill-ħajja ta’ San Franġisk. B’hekk wieħed jista’ jgħid li min iħares lejn San Franġisk ikun qiegħed jara lil Kristu. Hu kompla billi stieden lil dawk preżenti biex bħall-Fqajjar ta’ Assisi nsiru xbieha ħajja ta’ Kristu, u b’hekk isseħħ l-għaqda vera fil-Knisja.

Iċ-ċelebrazzjoni kompliet billi dawk preżenti ġew mistiedna jieħdu sehem f’ġest simboliku importanti billi jixegħlu xemgħa kull wieħed, filwaqt li saret l-istqarrija tal-Kredu ta’ Nicea.

Is-Servizz Ekumeniku għalaq b’talb komunitarju għall-għaqda tal-Knejjes Insara mibni fuq testi minn kittieba Nsara tal-ewwel sekli tal-Knisja.

Il-Gozo Community Choir, taħt id-direzzjoni ta’ Peter Thomas, anima l-kant b’kant adattat mat-tema ta’ din is-sena, u bil-partiċipazzjoni sabiħa tal-assemblea.

Wara l-laqgħa, dawk preżenti ltaqgħu fuq iz-zuntier tal-Knisja għal mument ta’ fraternità, akkumpanjat b’ikel, kafè u ftit ħelu.

Aqsam fuq