Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

“Il-problema l-kbira tal-identità tagħna bħala Maltin mhix sempliċiment għax qed…

Sors: Facebook

“Il-problema l-kbira tal-identità tagħna bħala Maltin mhix sempliċiment għax qed nitħalltu ma’ popli oħra li ġew f’pajjiżna, imma hi li tlifna jew m’aħniex kburin biżżejjed bil-valuri li ħallewlna missirijietna”.

Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma lbieraħ meta filgħodu mexxa l-Pontifikal tal-Festa ta’ Marija Bambina f’raħal twelidu, ix-Xagħra, fejn fl-omelija staqsa fost l-oħrajn x’inhu dak li jagħmilna Maltin.

“Sa ftit ilu konna nħossuna iktar kburin f’Jum il-Vittorji”, qal l-Isqof Anton, waqt li kkummenta kif missirjietna sa mill-qedem poġġew it-tifkira ta’ tliet rebħiet kbar “taħt il-patroċinju ta’ Marija”, għax dejjem għarfu “jwaħħdu l-istorja tagħhom ma’ dik tal-fidi”.

Wissa biex “ma ninsewhomx dawn iż-żewġ idejn li jżommuna f’saħħitna bħala poplu u jagħtuna identità bħala Maltin”.

L-Isqof ta’ Għawdex ilmenta li “qed nitilfu s-sens ta’ komunità fl-irħula u f’pajjiżna”, u saħaq li “l-problema mhumiex il-barranin, imma l-egoiżmu: li naħseb fija nnifsi biss, li niġi naqa’ u nqum minn ta’ maġenbi, u li jekk sew jien sew kulħadd”.

Dan hu f’kuntrast mal-profil li San Pawl jagħti tal-Maltin fl-Atti tal-Appostli bħala nies ta’ “ħlewwa liema bħalha”. Biex jenfasizza dan il-kuntrast, l-Isqof semma kif “waqt li tkun tiela’ t-Tiġrija, ir-Rabat, bil-karozza, tibda tgħid: ‘Imma din [il-ħlewwa] għadha teżisti jew le?’. Ħadd ma jċedi lil ħadd, kulħadd irid jimbotta u jaqbeż lil kulħadd, ħadd ma jagħti kas tal-ieħor, nagħtu kas biss tagħna nfusna”.

“Ejjew ma nħallux it-taħlit li jiġi minħabba nies minn barra – li jekk hemm bżonn, ħa jiġu, għaliex le – ifixkilna mill-modi ta’ kif aħna ġibna ruħna għal tant sekli ma’ xulxin”, reġa’ wissa l-Isqof.

“Alla jħobbok; u jekk iħobbok, iħobb lil ħuk kif iħobb lilek; u jekk iħobbok, int għandek imħabba biżżejjed ġo fik biex tħobb lil ħuk ukoll u ma tarahx bħala kompetitur tiegħek”, saħaq b’konvinzjoni.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex wieġeb ukoll mistoqsija oħra importanti: xi tfisser għalina llum is-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Marija, u t-tweġiba ġabha mis-sens tas-silta tal-Vanġelu ta’ San Mattew (1:1-16,18-23) li jagħti l-ġenealoġija ta’ Kristu, moqrija f’din il-Festa, li fl-aħħar mill-aħħar “hi l-ġrajja tagħna lkoll, tal-familji tagħna”.

Fl-arblu tar-razza ta’ Kristu “nsibu ħafna nies li ma kinux fidili lejn Alla, kriminali, barranin li lanqas jemmnu”, u dawn huma “l-istess kategoriji li nsibu kieku kellna nfittxu fl-istorja tal-familji tagħna”, għax “l-ebda arblu tar-razza mhu perfett”, fakkar l-Isqof. Fil-fatt f’din il-ġenealoġija nsibu sitwazzjonijiet li kollha jirrepetu ruħhom fil-ħajja ta’ kuljum tagħna: diffikultajiet u infedeltajiet fir-relazzjonijiet, problemi ta’ saħħa, il-vojt li jħallu persuni li jmutu, kif ukoll tradimenti.

Imma “li kieku kellna nħarsu lejn din l-istorja mill-għoli, nindunaw li din qed tibki għal salvazzjoni... għax kull relazzjoni minnha nfisha mhix kompluta, imma titlob il-bżonn ta’ Salvatur, li jagħti sens lill-esperjenzi kollha tal-ħajja”.

L-Isqof fisser kif l-evanġelista Mattew jilgħab bir-ripetizzjoni ta’ 14-il nisel biex jasal għat-28 jum li minnhom magħmul kull xahar tal-kalendarju lunari, biex juri li kif il-poplu Lhudi sab fis-sultan David il-milja tal-istennija tiegħu għall-ħelsien, hekk il-veru “qamar” tal-istorja kollha tas-salvazzjoni “jimtela u jibqa’ mimli bil-miġja tal-Messija”.

U hawn titfaċċa Marija, “iż-żerniq li jitla’ filgħodu kmieni biex iħabbar” il-Fidwa u li minnha finalment jitnissel il-Messija. “Hi l-ewwel dawl tax-Xemx il-kbira li hu Ġesù, dak li salvana”. U għalhekk, “ir-risposta li rridu nieħdu magħna”, tenna l-Isqof, “hi li Ġesù qalilna bil-kliem u wriena bl-għemil li Alla jħobbna” mingħajr ma jistenna xejn minna.

Fid-dawl ta’ storja ta’ bnedmin immarkata mid-dnub li jġib il-konsegwenzi tiegħu, it-twelid ta’ din it-tfajla jħabbar ħelsien għal kull wieħed u waħda minna, u Marija, kompla jgħid l-Isqof, “issir il-mudell tal-ħajja tagħna, għax Alla kien fiċ-ċentru ta’ ħajjitha”.

“Għal ħafna minna forsi Alla ma għadux fiċ-ċentru ta’ ħajjitna”, irrimarka, b’differenza minn missirijietna li “kienu jibdew u jtemmu u jaqsmu l-ġurnata bit-talb”, filwaqt li aħna “nibdew u naqsmu l-ġurnata bil-ġiri”.

“X’differenza meta jkun Alla dak li jdawwalna fl-għażliet u d-deċiżjonijiet tagħna! Meta lil uliedna nagħtuhom dawn il-valuri tagħna. Importanti nagħtuhom il-valur tax-xogħol, il-flus u d-divertiment, imma mingħajr Alla dawn jispiċċaw iduru kontra tagħna u jagħmlulna l-ħsara. Alla waħdu hu dak li jħobbna”, temm jgħid l-Isqof.

Fi tmiem l-omelija l-Isqof fakkar lill-poplu tax-Xagħra fil-konklużjoni tal-Vanġelu, fejn Marija tagħti lil Ġesù, għax “din hi r-raġuni tal-Festa tal-lum”.

Aċċenna għal kif “ix-Xagħrin għal snin sħaħ għaddew lil Ġesù fid-dinja kollha”, u dan irid ikompli ma’ wliedna, billi “ngħaddulhom mhux biss il-ġid materjali, imma fuq kollox il-wirt spiritwali li jibqa’”.

“Pajjiż jgħaddi minn fażijiet”, innota, “żmien li fih ikun sinjur u ma jonqsu xejn, u żminijiet ta’ kriżi”. Dan ifisser li “l-ġid materjali mhux stabbli, mhux garanzija. Imma l-ġid spiritwali hu garanzija: Ġesù Kristu hu garanzija”.

B’sens ta’ gratitudni għal tant vokazzjonijiet li ħarġu minn raħal twelidu, fosthom dik tal-Isqof fil-Libja George Bugeja OFM li kien maġenbu, l-Isqof ta’ Għawdex għalaq l-omelija b’eżortazzjoni qawwija: “Marija hi Patruna tax-Xagħra mhux ħmistax fis-sena, imma kontinwament! U ma nistgħux aħna nieqfu milli nkomplu nwettqu l-missjoni tagħha li tnissel lil Ġesù”.

🎥 Erġa' segwi l-omelija kollha hawn

Aqsam fuq