Sors: Facebook
Il-Vanġelu tal-ġeneoloġija ta’ Ġesù (Mt 1:1-16,18-23) li l-Knisja tħabbar fis-Solennità tat-Twelid ta’ Omm Alla hu “wieħed profondament politiku li jmiss lil kull min għandu xi tip ta’ awtorità”.
Hekk qal l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Bażilika tax-Xagħra, quddiem ir-rappreżentanti tal-ogħla Awtoritajiet Ċivili, fosthom il-President ta’ Malta Dr Myriam Spiteri Debono, waqt il-Kommemorazzjoni ta’ Jum il-Vittorji li nżammet lejlet il-Festa tal-Bambina.
“Il-lista tal-ismijiet kollha hi ta’ mexxejja li kienu fir-responsabbiltà tal-poplu ta’ Iżrael”, kompla l-Isqof Teuma, waqt li insista: “Tant hu politiku dan il-Vanġelu, li San Mattew qagħad attent li jgħid li Ġesù hu bin David qabel hu bin Abraham, għax hu għandu f’moħħu jippreżenta lil Ġesù bħala sultan”. Hu kompla saħaq li hawn l-Evanġelista “għandu filosofija politika partikulari li tista’ tgħinna lkoll”.
“L-ewwel impressjoni li nieħdu minn dan il-Vanġelu hi li kull sultan hu ħolqa f’katina twila, u allaħares xi ħadd fit-tmexxija jimla rasu li d-dinja bdiet miegħu u ħa tispiċċa miegħu. Aħna li aħna fl-awtorità sempliċiment imsejħin biex inwettqu x-xogħol tagħna”, qal l-Isqof b’ton sod.
Fl-omelija tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex ikkummenta li qabelxejn San Mattew jagħraf li kull sultan għandu effetti fil-ħidma tiegħu anki fl-aspett spiritwali tal-poplu, u allura ma jistax iħares biss lejn l-aspett materjali. “Meta l-benessri ekonomiku jispiċċa biex jeskludi jew jipprova jieħu post id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem, is-servizz tal-politika ma jkunx kif jixraq”, huwa qal.
“Bil-maqlub, jekk is-servizz ta’ dawk li jippruvaw jgħaddu l-fidi, jirriservawh biss għal dak li hu spiritwali, ma jkunux qed jagħmlu servizz lill-fidi... għax Ġesù kien bniedem politiku, mhux fis-sens partiġjan, imma fis-sens li x-xhieda tiegħu tħalli effett fuq il-mod ta’ kif ngħixu u r-relazzjonijiet”.
F’dan is-sens, kompla jgħid l-Isqof, “il-qadi ċivili u l-qadi tal-fidi jridu jaħdmu id f’id bi skop wieħed: għall-ġid tal-bniedem sħiħ, li mhux ġisem biss jew ruħ biss, imma t-tnejn flimkien”, ladarba Ġesù Kristu ġie jsalva l-bniedem sħiħ.
Dejjem b’riferiment għall-arblu tar-razza li nsibu fil-bidu tal-Vanġelu ta’ San Mattew, l-Isqof innota li l-Evanġelista “ried jgħidilna li fl-aħħar mill-aħħar dawn il-mexxejja spiċċaw biex taw il-ħajja lil Ġesù”, u jurina li l-bniedem ikun tassew ħieles u jilħaq l-umanità tiegħu meta jinbena bil-mod il-mod fuq il-mudell ta’ Ġesù, “fil-maturità umana, finanzjarja, psikoloġika u spiritwali tagħna”.
“Irridu u ma rridux”, qal l-Isqof Anton, “nagħmlu x’nagħmlu fil-politika, u ngerfxu kemm ingerfxu anki fil-Knisja, hemm pjan ogħla li jrid iwassal lill-bnedmin għall-milja tagħhom f’Ġesù. U dan hu li se jiġri!”.
B’danakollu, kompla jgħid, dan ma jfissirx li aħna determinati minn qabel, imma xorta għandna l-libertà li nimxu jew ma nimxux skont dan il-pjan: “Hemm pjan ta’ salvazzjoni għall-bnedmin li hu wisq u wisq ikbar minn dak li niddeċiedu aħna u jaħarbilna minn idejna. Aħna nistgħu nikkollaboraw fih jew intellfu, imma l-Missier ħalaqna għall-milja tal-umanità tagħna”.
Għalhekk, nagħmlu x’nagħmlu, “imqar meta mingħalina se nieħdu deċiżjonijiet li ma jaqblux mal-fidi, illum jew għada aħna mexjin f’dik id-direzzjoni”, u dwar dan jaqblu b’xi mod jew ieħor filosfi politiċi veri u tajbin.
“Jekk aħna nagħmlu għażliet skont il-Vanġelu, se jgawdi l-poplu. Jekk nagħmlu għażliet li lill-bniedem iressquh lejn Alla, inkunu ngħinuh jilħaq il-qofol tal-umanità tiegħu”, fakkar l-Isqof.
Waqt li ġustament wieħed jifhem li d-demokrazija titlob li l-politiċi jagħmlu għażliet kif irid il-poplu, l-Isqof Anton qal li “aħna rridu wkoll min jiftħilna għajnejna, għax faċli ħafna nilbsu nuċċali li jġagħalna naraw sa mneħirna jew ftit lil hinn; faċli nippruvaw insolvu l-problemi ta’ issa u noħolqu iktar problemi għal imbagħad”, bl-iskuża li “l-importanti li l-poplu bħalissa kuntent u jċapċap!”.
Saħaq li nkunu nagħmlu nuqqas ta’ servizz lill-poplu meta naġixxu b’dan il-mod, għax ma nkunux qaddejja tal-libertà li għaliha ħalaqna Alla l-Imbierek u ftit inkunu ngħinu lin-nies jinbnew fuq il-persuna ta’ Ġesù.
Bħala konklużjoni, l-Isqof ta’ Għawdex fakkar li dan il-Vanġelu jemmen li l-parti l-kbira tal-politiċi jiddeċiedu b’intenzjonijiet tajba, imqar jekk jiżbaljaw. “Għax Alla jidħol ukoll biex isalva l-iżbalji u l-inganni tagħna, hemm fejn l-interessi tagħna ma jkunux verament għall-ġid tal-poplu li aħna msejħin biex inservu”.
Ikkummenta kif illum fil-korsijiet universitarji, f’kull tip ta’ professjoni jisħqu ħafna fuq ‘servant leadership’. “Kellhom bżonn jgħaddu elfejn sena!”, żied b’ton ta’ ironija, meta “biżżejjed taqra l-Vanġelu ħa tara lil Dak li hu verament mexxej jilbes il-fardal u jinżel jaħsel saqajn id-dixxipli u jgħidilhom li hekk għandhom jagħmlu ma’ xulxin!”.
Fl-aħħar tal-omelija, l-Isqof Anton Teuma dawwar ħarstu fuq Marija: “Jekk Ġesù kien mexxej-qaddej, dan għax kellu eżempju fuqiex jimxi. Marija hi l-ewwel frott ta’ dan il-pjan tal-Missier. Lil Marija, jekk inneħħulha x-xejxi li għamilnielha u nqisuha bħala mara li tgħix u timxi man-nies, hi toħroġ quddiemna bħala l-persuna verament salvata u meħlusa, diġà ffurmata fuq il-mudell ta’ Ġesù”.
Jekk ma nimxux f’dik id-direzzjoni, ikkonkluda, aħna “ngħixu fl-ansjetà u r-rabja, li minkejja l-benessri ekonomiku, huma żewġ emozzjonijiet dominanti fis-soċjetà ta’ żmienna”.
▶️ Segwi hawn l-omelija kollha