Sors: Facebook
“Illum ma tista’ sserraħ fuq ebda tip ta’ mħabba. Imma min jikkonsagra ruħu lil Alla, almenu jaf li l-parti l-oħra hi fidila, għax hu Ġesù”.
Hekk ikkummenta l-Isqof Anton Teuma lbieraħ meta fil-Bażilika tax-Xagħra saret il-Konsagrazzjoni ta’ Mary Mizzi fl-Ordni tal-Verġni, li ilu jeżisti fi ħdan il-Knisja sa mis-seklu 4 imma reġa’ ngħata ħajja ġdida fis-snin wara l-Konċilju.
L-Isqof ta’ Għawdex kien qed jirrifletti fuq il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Pietru għall-ewwel darba wara li dan kien ċaħdu fil-Passjoni, fejn issa Kristu Rxoxt jistaqsih iħobbux.
Il-ġrajja, li nsibuha fil-Vanġelu tal-bieraħ, it-tielet Ħadd tal-Għid, tirrakkonta kif Pietru ħass qalbu tingħafas meta Ġesù staqsieh dan għat-tielet darba u hekk “urieh li biżżejjed għalih li hu jħobbu b’mod limitat”.
Għax minkejja li aħna ngħidu li rridu nħobbu lil Kristu bi mħabba kbira, qal l-Isqof, fil-verità nintebħu kemm aħna dgħajfin.
Alla hu “fidil”
“Illum, aktar milli l-konsagrazzjoni tiegħek, qed niċċelebraw il-fedeltà ta’ dan Alla tagħna, li kelma jżommha u hu fidil lejna”, qal l-Isqof lil Mary, li ftit wara resqet quddiemu biex tagħmel il-wegħdiet tagħha u tirċievi l-velu, iċ-ċurkett u l-ktieb tat-talb tal-Knisja bħala sinjali tal-għerusija spiritwali tagħha ma’ Kristu.
“Illum ma baqax imħabba soda”, qal l-Isqof, u ħafna jsaqsu x’sens fiha li tikkonsagra ruħek f’dinja bħal tal-lum. Hemm ġenituri li saħansitra jibżgħu meta wliedhom itarrfulhom dan.
Imma l-Isqof stess qal li “jagħmel sens tikkonsagra ruħek u tkun soru jew saċerdot”, imqar fi żmienna “fejn l-imħabba ma għadhiex esperjenza li tagħtik il-ferħ, imma saret ħaġa li tbeżżagħna”.
“F’din il-konsagrazzjoni ta’ Mary, nitolbu li nafdaw iktar fl-imħabba ta’ Ġesù, li jħobbna kemm meta meta aħna fidili lejh u iktar u iktar meta ma aħniex”, temm l-omelija tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex.
📸 Philip Cassar