Sors: Facebook
Ir-Rivista "Il-Ħajja f’Għawdex" qed tiċċelebra l-75 sena ta’ pubblikazzjoni, anniversarju li aktarx jagħmilha l-eqdem rivista fil-pajjiż li baqgħet tiġi mitbugħa sal-lum. Fil-fatt, wieħed mill-artikli ta’ din il-ħarġa jiffoka fuq il-kontribut li tat lill-ilsien nazzjonali tagħna bl-użu konsistenti ta’ Malti tajjeb, aġġornat minn żmien għal żmien skont id-direttivi tal-Akkademja tal-Malti.
Qalb l-aħbarijiet djoċesani, wieħed jista’ jaqra dwar l-Isqof-maħtur ta’ Għawdex u l-parteċipazzjoni tas-Santwarju Ta’ Pinu fix-xandira tar-Rużarju mondovisione f’Mejju li għadda. L-Isqof Teuma jidher ukoll fil-qoxra attraenti li turih ma’ familja żagħżugħa Għawdxija jqalleb il-paġni tar-rivista. Jidhru wkoll kontribuzzjonijiet regolari fl-oqsma tal-ekoloġija, il-fotografija u l-filatelija. Il-Coronavirus jerġa’ jisraq ix-xena kemm fil-poeżija u kemm f’artikli oħra li jittrattaw l-aspetti pożittivi li nistgħu nieħdu minn dawn iż-żminijiet ibsin u l-effetti tal-virus fuq attivitajiet sportivi u fuq l-ekonomija. Album ta’ ritratti jżommna aġġornati fuq proġetti li għaddejjin f’Għawdex, u jirrakkonta fost l-oħrajn id-dehra ta’ xi dniefel fil-Port tal-Imġarr. Żewġ artikli jfakkru anniversarji fin-Nadur u x-Xewkija, waqt li nsibu wkoll riflessjoni dwar it-tifsira materjali u spiritwali tal-fwieħa fl-Iskrittura Mqaddsa, li ssemmi daqs tletin tip differenti ta’ din is-sustanza.
Jekk tixtieq tabbona, iktbilna messaġġ privat.