Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Is-Segretarjat Pastorali fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex iċċelebra Jum il-Migranti…

Sors: Facebook

Is-Segretarjat Pastorali fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex iċċelebra Jum il-Migranti bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju ta’ Kordinament u Sapport għall-Komunitajiet Etniċi li hawn f’Għawdex, nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru. Saret Konċelebrazzjoni bil-lingwa Ingliża fil-Knisja ta’ San Franġisk fil-Belt Victoria, immexxija mill-Kan. Noel Saliba, li huwa responsabbli ta’ dan l-Uffiċċju ġdid fi ħdan il-Knisja f’Għawdex. Miegħu kkonċelebraw il-Kan. Loreto Tabone, Kappillan tal-English Speaking Catholic Community, u Dun Anton Schembri, Delegat għall-Uffiċċju tal-Migranti f’Għawdex.

Fil-quddiesa, Dun Noel tkellem dwar kif San Ġużepp, minkejja d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom, wara dixxerniment serju aċċetta li jidħol għar-responsabbiltà li jilqa’ għandu lil Marija u jieħu ħsiebha flimkien mat-tfajjel Ġesù. Fisser kif l-Uffiċċju li beda jmexxi dan l-aħħar fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex għandu ħafna x’jitgħallem minn San Ġużepp biex jilqa’ u jieħu ħsieb il-barranin li jgħixu fil-gżira, jipprova jifhem id-diffikultajiet tagħhom u joffrilhom is-sapport li jkollhom bżonn.

Il-Kor tal-Komunità tal-Filippini f’Għawdex, immexxi minn Ryden Glinofria, anima l-liturġija, u rappreżentanti mill-Komunità tal-Anglikani f’Għawdex ipproklamaw il-Kelma ta’ Alla waqt il-quddiesa.

Wara, dawk preżenti kellhom laqgħa soċjali fis-Sala tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, fejn ġie introdott l-Uffiċċju ta’ Kordinament u Sapport tal-Komunitajiet Etniċi f’Għawdex li twaqqaf mid-Djoċesi ta’ Għawdex fl-14 ta’ Settembru li għadda. F’Għawdex jgħixu madwar 4,000 barrani, b’mhux anqas minn 10 komunitajiet jiltaqgħu b’mod regolari għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, fosthom tliet komunitajiet ta’ Ingliżi Kattoliċi, u komunità ta’ Ingliżi Anglikani, Taljani, Filippini, Serbi Ortodossi, Indjani, u min-Nepal. Minbarra dawn, f’Għawdex hawn diversi barranin li hija x-xewqa tal-Knisja li tgħinhom jintegraw iżjed fis-soċjetà tagħna. Dawk preżenti ġew infurmati wkoll b’korsijiet bażiċi tal-Malti li qegħdin jiġu offruti għall-barranin f’Għawdex, organizzati minn għalliema voluntiera u mingħajr ħlas. Hemm il-ħsieb li jibdew isiru wkoll korsijiet tal-Malti f’Livell ogħla u anki korsijiet tal-lingwa Ingliża. Dan l-aħħar twaqqaf Præsidium tal-Leġjun ta’ Marija għall-Filippini u f’Jannar ser jibda grupp tal-Azzjoni Kattolika għall-barranin.

Rappreżentanti minn kull komunità etnika f’Għawdex għamlu preżentazzjoni qasira dwar il-ħidma ta’ kull komunità u esprimew dak li sabu ta’ għajnuna u xi diffikultajiet, kultant serji, li jiltaqgħu magħhom.

Għal din il-laqgħa attenda wkoll l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li sellem lil dawk preżenti personalment u wara wassal il-messaġġ tiegħu. Mons. Isqof aċċenna għall-kontribut siewi u indispensabbli li dawn il-komunitajiet qegħdin joffru lis-soċjetà Għawdxija u semma kif il-preżenza ta’ dawn il-komunitajiet hija rikkezza li għandha tkun rikonoxxuta u apprezzata, biex jintegraw aħjar fis-soċjetà tagħna u jintlaħaq il-ġid komuni. “L-imħabba hi aċċettazzjoni”, tenna l-Isqof, li fit-tmiem irringrazzja lil dawk kollha li qegħdin jgħinu f’din il-ħidma pastorali mal-barranin f’Għawdex, fosthom lill-Kan. Noel Saliba, lill-membri tal-Leġjun ta’ Marija, lill-Patrijiet Franġiskani Konventwali, u lil dawk kollha li qegħdin jospitaw lid-diversi komunitajiet għal-laqgħat tagħhom. Imbagħad ippreżenta Ċertifikat tal-okkażjoni lill-mexxejja ta’ kull komunità.

Qabel tmiem il-laqgħa, ma naqsux xi ħaġa tal-ikel u xorb, u xi ritratti tal-okkażjoni. Kienu diversi minn dawk preżenti li wrew ix-xewqa li laqgħat bħal dawn isiru regolarment u jidħlu fil-kalendarju ta’ Għawdex.

Aqsam fuq