Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Is-Sibt 5 ta’ April, grupp ta’ ’l fuq minn 130 koppja għarajjes li qed iħejju ruħhom…

Sors: Facebook

Is-Sibt 5 ta’ April, grupp ta’ ’l fuq minn 130 koppja għarajjes li qed iħejju ruħhom għaż-żwieġ Nisrani ltaqgħu fis-sala tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof għal laqgħa ta’ formazzjoni bit-tema: "Iż-Żwieġ... Flashbacks". Huma u jħarsu lura lejn is-57 sena ta’ ħajja taż-żwieġ tagħhom, il-koppja mistiedna, il-President Emeritu Dr George Vella u s-Sinjura Miriam Vella, għenu lill-koppji għarajjes jieqfu u jirriflettu dwar id-diversi staġuni tal-ħajja tal-familja li ser jgħixu lil hinn mill-ġurnata tat-tieġ tagħhom.

Fi djalogu mmexxi mill-Isqof Anton Teuma, waqt li rrakkontaw anedotti mill-ħajja familjari tagħhom, is-Sinjuri Vella tkellmu fuq prinċipji li, jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien, jibqgħu fundamentali biex jinbena żwieġ sod. Fost l-oħrajn tkellmu fuq id-diffikultajiet tal-ewwel snin taż-żwieġ u fuq il-bżonn ta’ relazzjoni sana mal-familji tal-oriġni. Saħqu fuq l-importanza tal-fiduċja reċiproka bejn is-sieħba, fiduċja li tinbena bil-mod kull darba li meta jkun hemm bżonn, parti mill-koppja ssib l-idejn tal-parti l-oħra maħruġa biex tgħinha. Konxji tal-fatt li llum il-ġurnata min irid ma jkunx onest għandu l-fakultajiet kollha, il-ħin kollu, fejn irid u meta jrid biex jagħmel dan, wissew kontra l-kunfidenzi żejda ’l barra miż-żwieġ.

Irrikonoxxew li llum il-ġurnata hu iktar faċli li relazzjonijiet jitkissru bir-riskju li meta jgħaddu s-snin wieħed iħares lura u minflok imħabba u sodisfazzjon isib diżappunti u weġgħat. Qalu li l-argumenti huma inevitabbli fil-ħajja taż-żwieġ u li ma tistax tibni relazzjoni fit-tul fuq il-pretensjoni li mhux ser ikun hemm argumenti. Imma spjegaw kif mas-snin dawn iservu biex kull parti tal-koppja tillima dawk l-aspetti tal-karattru fejn ma jaqblux u hekk timmatura.

Tkellmu fuq it-tfal, fuq kif dawn jgħaqqdu lill-koppja flimkien. Qalu li l-ħajja tal-familja titlob li jsiru sagrifiċċji u jingħataw prijoritajiet, u wissew kontra t-tendenza li l-prijorità tat-tfal titbiegħed lura. Qasmu mal-għarajjes l-esperjenza personali tagħhom dwar ir-rwoli tal-koppja fil-familja, bejn xogħol u trobbija tat-tfal, u dwar l-impenn kostanti biex dejjem isibu ħin għal xulxin u għat-tfal.

Fit-tieni parti tal-laqgħa l-Isqof Anton kompla billi inkuraġġixxa lill-għarajjes biex ma jibżgħux mis-sagrifiċċji li titlob il-ħajja taż-żwieġ. Qal li huma s-sagrifiċċji mwettqa flimkien li, aktar minn kull ħaġa oħra, jorbtu dejjem aktar lis-sieħba ma’ xulxin. Spjega kif il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu titfagħna ’l barra minna nfusna u tixprunana biex inħobbu, ngħinu u nieħdu ħsieb lil ħaddieħor, u għalhekk qatt ma ttellef, anzi tgħin fir-relazzjoni tal-koppja. Stieden lill-għarajjes, b’mod partikolari lil dawk li kienu qed itemmu s-sentejn ta’ mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ offruta mid-Djoċesi ta’ Għawdex, biex ikomplu jfittxu li jifformaw ruħhom umanament u spiritwalment, biex hekk isaħħu u jsebbħu dejjem aktar ir-relazzjoni tagħhom.

Jakkumpanjaw lill-għarajjes matul din il-laqgħa kien hemm ukoll uħud mis-saċerdoti u animaturi lajċi li matul is-sena jsegwu lill-għarajjes fil-formazzjoni tagħhom.

📧 Għal aktar informazzjoni dwar il-Mixja ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ u għall-Ħajja tal-Familja offruta mid-Djoċesi ta’ Għawdex, wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected].

📷 Monica Grima

Aqsam fuq