Sors: Facebook
Is-Sibt li għadda, fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, Taċ-Ċawla, l-Isqof Anton iltaqa’ mas-saċerdoti u r-reliġjużi tad-Djoċesi biex jitkellem fuq il-Pjan Pastorali għas-sena 2025-2026. Kienu diversi dawk li attendew.
Beda biex spjega fuq bażi biblika t-tema tas-sena: “Waqt li kien fuq il-mejda magħhom” (Lq 24:30a), meħuda mis-silta tal-ġrajja ta’ Għemmaws. Ġesù jixtieq jidħol għandna u jiekol magħna bħalma ġara wkoll fl-istorja ta’ Żakkew. L-istedina tiegħu hija biex is-saċerdot jisma’ f’widnejh il-karba ta’ Ġesù: “Ibqgħu hawn u ishru miegħi” (Mt 26:38), u jibqa’ magħqud miegħu bħaz-zokk fid-dielja. Din l-għaqda miegħu, temm jgħid l-Isqof, twassal lis-saċerdot jibqa’ man-nies bħal Marija li ‘baqgħet’ ma’ Eliżabetta ‘għal tliet xhur’.
Fid-diskors tiegħu l-Isqof ta wkoll merħba lit-tliet saċerdoti – Dun Massimo Buttigieg, Mons. Ġużeppi Farrugia u Dun Joseph Hili – li ġew lura fid-Djoċesi biex jagħtu s-servizz tagħhom. Huma kienu qed jaqdu l-Knisja barra minn Malta.