Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Is-Soċjetà tal-Museum Sezzjoni Nisa fetħet qasam ġdid fin-Nadur, fi Triq Cicciano

Sors: Facebook

Is-Soċjetà tal-Museum Sezzjoni Nisa fetħet qasam ġdid fin-Nadur, fi Triq Cicciano. Iċ-ċeremonja saret nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru. Preżenti kien hemm l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma flimkien mal-kleru tal-Parroċċa tan-Nadur. Kien hemm ukoll Mons. Lawrenz Sciberras, l-Assistent Ekkleżjastiku għal Għawdex, is-Superjura Ġenerali Mansy Cutajar u l-amministrazzjoni tal-istess Sezzjoni, is-Sindku u l-kunsilliera, u mistednin oħrajn fosthom il-Perit Edward Scerri li kien hu li ħa ħsieb il-proġett.

Fil-kelmtejn tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex qal li “kif tidħol f’dan il-post hemm sensazzjoni ta’ paċi, fl-istess ħin is-sens ta’ sempliċità jgħinek tagħraf l-affarijiet importanti”.

“Mingħajr ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla l-fidi ma tistax tkompli”, kompla l-Isqof. “Jiġifieri jekk ma għandniex ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla ma għandniex fidi. Kif jgħidilna San Pawl wara kollox, il-fidi tiġi mis-smigħ u s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Dawn huma affarijiet li aħna ma nagħtuhomx il-piż kemm suppost ikollhom. Jekk irridu nsaħħu l-fidi, irridu nkabbru dawn l-okkażjonijiet fejn tixxandar il-Kelma ta’ Alla. U allura dan il-post f’dan ir-raħal huwa wieħed mill-muturi l-kbar, flimkien mal-Museum tas-Subien, maċ-Ċentru taż-Żgħażagħ u mal-Parroċċa, li jagħtu l-enerġiji l-kbar u jippumpjaw il-fidi”.

Tkellmet ukoll is-Superjura Ġenerali li fakkret fis-Salm 126: “Lil hinn mis-sbuħija u l-apparenza li huma bzonnjużi u jgħinu ħafna, hemm aspett aktar importanti: dak tas-sbuħija ġewwinija, sbuħija tal-ħajja mgħixa b’Ġesù, miegħu u għalih. Hu permezz tal-ħajja tagħna li, bħalma jgħid is-Salm, inħallu lil Ġesù jkun hu li jibni, jgħasses u jindokra dan il-post. Kemm hu sabiħ li Ġesù jieħu l-ħajja permezz tagħna! Kemm hu sabiħ li kull min imiss ma’ dan il-post ikollu l-opportunità li jsir aħjar għax ikollu esperjenza ħajja ta’ Ġesù!”.

Wara sar it-tberik tal-post minn Mons. Isqof u r-ringrazzjament mis-Superjura tal-lokal Rita Sacco.

[ritratti: Martin Attard]

Aqsam fuq