Sors: Facebook
It-Tlieta 27 ta’ Mejju saret konferenza għall-“Empty Nesters” – ġenituri li wliedhom se jħallu darhom Għawdex biex jibdew kors l-Università ta’ Malta. Il-laqgħa saret fis-sala ta’ Sir M.A. Refalo Sixth Form b’kollaborazzjoni bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex u l-amministrazzjoni tas-Sixth Form. Il-konferenza tmexxiet mil-psikologu Dr Michael Galea, b’introduzzjoni minn Ms Bernardette Attard, Guidance Teacher ta’ din l-iskola.
Fost il-punti li ssemmew, Dr Galea tkellem dwar il-problemi li jistgħu jinqalgħu fir-relazzjoni ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied meta jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni. Saħaq fuq l-atteġġjament li għandu jkollhom il-ġenituri lejn uliedhom; la jerħuhom għalkollox u lanqas jistmawhom ta’ tfal żgħar.
Dr Galea spjega x’tibdil ikun mistenni li jseħħ, kemm mentalment u kemm emozzjonalment, fir-relazzjoni ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied, kif ukoll bejn il-ġenituri stess. Tkellem ukoll dwar id-diffikultajiet li wliedna jiltaqgħu magħhom meta jsibu ruħhom waħedhom Malta, fosthom l-influwenza tal-media kif ukoll id-droga u l-alkoħol. Fl-aħħar nett għamel enfasi kbira fuq l-importanza li jkun hemm komunikazzjoni onesta u aperta bejn il-ġenituri u l-ulied.