Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Ittra mill-Isqof Anton lill-Għarajjes Għawdxin

Sors: Facebook

Għeżież għarajjes,

Ħsibt li nikteb direttament lilkom ilkoll biex nurikom il-ħsieb u x-xewqa tiegħi dwar il-festa tat-tieġ tagħkom.

Nemmen li għalikom hija ġurnata kbira u importanti u għalhekk jixraq li tagħmlu festa sabiħa li tibqgħu tiftakruha ħajjitkom kollha. Dawn huma xi punti żgħar li xtaqt naqsam magħkom għax nemmen li aktar ma din il-festa tkun imħejjija, aktar tkun tixraq lir-rigal kbir tas-sagrament li ser tirċievu.

Ħudu ħsieb attendu għal-laqgħat kollha li jsirulkom matul dawn is-sentejn ta’ tħejjija. Bħalma tagħżlu kmieni s-sala, l-organiser, il-knisja, agħżlu minn kmieni s-saċerdot li ser jassistikom għas-sagrament taż-żwieġ u ibdew iltaqgħu u tkellmu miegħu kull tant u tant. Jekk tkunu waqaftu mill-prattika tal-fidi, importanti li terġgħu tibdew tieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd u tiffrekwentaw is-sagrament tal-qrar.

Tliet xhur qabel morru għand il-kappillan tal-parroċċa/i fejn tgħixu u itolbuh li tibdew tiġbru d-dokumenti meħtieġa. Aħsbu agħżlu l-qari li tixtiequ u tkellmu mas-saċerdot li ser jassisti għas-sagrament taż-żwieġ. Ippjanaw nofstanhar ta’ rtir flimkien mal-istess saċerdot.

It-tieġ Nisrani jsir fil-knisja. Agħżlu l-knisja tagħkom biex tiżżewġu fiha! Fi kliem ieħor il-knisja li fiha tieħdu sehem fl-Ewkaristija tal-Ħadd! Il-Knisja hija post sagru għax huwa kkonsagrat lil Alla. Huwa l-post fejn in-nies ta’ dik il-komunità jinġabru flimkien kuljum u b’mod speċjali nhar ta’ Ħadd, biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jiċċelebraw l-Ewkaristija. Fil-knisja l-komunità tinġabar għal xejn aktar ħlief biex tiltaqa’ ma’ Alla. U billi ż-żwieġ Nisrani huwa laqgħa ma’ Alla, għalhekk għandu jsir fil-knisja.

Dan ifisser li l-knisja mhix sala oħra li tista’ tinkera u titranġa kif jixtieq min jikriha! Il-knisja tissejjaħ awla liturġika li għandha r-regoli tagħha dwar dak li jista’ jsir u li ma jistax isir. Kien għalhekk li ħarġu d-direttivi dwar il-ward, il-mużika u l-fotografija waqt it-tiġijiet.

L-ilbies tal-għarajjes, u ta’ dawk kollha li jieħdu sehem, għandu jkun jaqbel mas-sagralità taċ-ċelebrazzjoni!

F’diversi postijiet pubbliċi trid tmur liebes jew liebsa skont ir-regoli. Il-qrati jitolbu li tkun liebes jew liebsa b’ċertu mod. Min jaħdem l-isptar jew l-iskola ma jistax imur kif irid. Kull xogħol u kull okkażjoni għandhom id-dresscode tagħhom. Il-knisja għandha d-dresscode tagħha li jitlob li l-ilbies ikun jaqbel mas-sagralità tal-post u mal-esperjenza tat-talb li ssir fiha. Il-knisja tibqa’ d-Dar ta’ Alla anki fit-tiġijiet!

Barra minn hekk, l-ilbies minnu nnifsu jikkomunika messaġġ. Il-libsa tal-għarusa trid tkun libsa li tagħmel sabiħa l-persuna tal-għarusa.

Il-libsa li teżalta l-partijiet sesswali tal-għarusa bħalma huwa skullar quddiem li jikxef partijiet mis-sider, spallejn mikxufa, dahar skullat, ħwejjeġ trasparenti, u l-bqija, twassal messaġġ ċar ta’ senswalità. Il-persuna tħossha tiswa daqskemm tħossha senswali! U tikkomunika din is-senswalità tagħha mhux biss lil żewġha imma lill-pubbliku b’mod ġenerali, proprju f’dan il-mument fejn suppost qed tingħata kollha kemm hi lil żewġha!

Dan li qed ngħid għall-ilbies tal-għarusa jgħodd kollu kemm hu għall-ilbies tal-bridesmaids u ta’ dawk kollha li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ. U mhux biss, dan jgħodd ukoll għal kull ċelebrazzjoni oħra li ssir fil-knisja, speċjalment fix-xhur tas-sajf, speċjalment fil-festi!

L-ilbies tal-għarajjes, ġenituri, familjari, bridesmaids, mistednin irid ikun skont dawn il-kriterji:
a. quddiem ma jkunx skullat b’tali mod li jibda jidher il-fond tas-sider;
b. wara ma jkunx skullat aktar minn quddiem;
ċ. l-ispallejn ikunu mgħottija sa nofs id-distanza bejn il-minkeb u l-ispalla;
d. ma jkunx hemm trasparenza fil-partijiet mitluba li jkunu mgħottija f’a, b u ċ, u ma jkunx hemm trasparenza mill-irkupptejn ’il fuq.

Dan ifisser li dawk li diġà ordnaw l-ilbiesi li ma jilħqux il-kriterji hawn fuq imsemmija għandhom jitolbu li jiżdied xall apposta.

Il-ward fil-knisja mhux sempliċement tiżjin, imma jimmarka l-importanza tal-postijiet l-aktar għeżież, bħalma huma l-altar, l-ambone u t-tabernaklu. L-arranġament tal-ward irid ikun b’tali mod li jindika l-post għażiż u qaddis u mhux li jiġbed l-attenzjoni kollha fuq l-arranġament innifsu!

Il-kant jew mużika fil-knisja mhux sempliċement għanja li togħġob jew li tfisser ħafna għalikom bħala koppja, imma l-kant jew mużika jrid ikun talba adattata għall-mument partikolari tal-quddiesa (dħul, offertorju, tqarbin, għeluq) u li jista’ jkanta kulħadd. Il-kant fil-knisja mhux performance ta’ artist jew artisti, imma talba ta’ dawk kollha preżenti flimkien lil Alla. Għalhekk huwa mitlub li l-lista tal-kant li ser isir fiċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tiġi approvata mill-Kummissjoni Liturġika tad-Djoċesi.

B’differenza mill-ward u mill-kant, ir-ritratti u l-filming huma aċċettati bħala eċċezzjoni f’xi ċelebrazzjonijiet bħalma huma t-tiġijiet. Waqt li l-ward jew il-kant jagħmel parti mill-ħajja normali tal-knisja, ir-ritratti u l-filming huma barranin għalkollox. Dan minħabba li dak li jsir fil-knisja huwa veru fil-knisja biss, bħalma l-ikel li jittiekel fir-ristorant jista’ jkun ta’ veru fir-ristorant biss u mhux fuq ir-ritratti jew il-film.

B’differenza minn bnadi oħra, fil-knisja r-ritratti u l-filming sempliċement jiddokumentaw dak li jkun qed jiġri! Inkunu noffendu ċ-ċelebrazzjoni liturġika tat-tieġ jekk waqtha nippożaw jew nagħmlu xi ħaġa sempliċement għar-ritratt jew il-film!

Nifhem li dan kollu jista’ jidher sikkatura żejda. Imma fil-fatt mhux hekk! Fil-fatt, dawn id-dettalji jwasslu biex ikollkom ċelebrazzjoni ta’ vera, aktar sagra milli senswali, aktar sagrament u inqas show, aktar awtentika u inqas artifiċjali.

Nawguralkom minn qalbi tieġ li jkun festa li tibqa’ matul il-ħajja kollha taż-żwieġ!

Nitlob fuqkom il-barka ta’ Alla.

✠ Anton Teuma
Isqof tagħkom

Aqsam fuq