Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

Jumejn wara mewtu u fl-istess ġurnata li fiha t-tebut bil-ġisem tiegħu ġie ttrasferit…

Sors: Facebook

Jumejn wara mewtu u fl-istess ġurnata li fiha t-tebut bil-ġisem tiegħu ġie ttrasferit mid-Dar Santa Marta fil-Vatikan fejn miet, għall-Bażilika ta’ San Pietru, il-Knisja f’Għawdex fakkret lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku b’Quddiesa ‘de Requiem’ b’suffraġju għal ruħu fil-Katidral ta’ Għawdex, illum l-Erbgħa 23 ta’ April, fis-7.00pm.

Fl-assenza tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li jinsab fuq impenji pastorali barra minn Malta, il-Quddiesa Solenni tmexxiet minn Mons. Tarċis Camilleri, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi, li wara l-Vanġelu qara l-Messaġġ mibgħut mill-Isqof Anton:

🎗 Il-Papa Franġisku kien tassew bniedem mimli bl-Ispirtu ta’ Alla, u fejn ikun hemm dan l-Ispirtu jkun hemm dejjem il-ħajja, it-tama u s-sorpriżi. Kien minħabba f’hekk li huwa kellu kelma li tgħodd għal kulħadd. Kien trasparenza ta’ umanità, attenzjoni, smigħ, maħfra, ħniena u akkoljenza. Dawn il-kwalitajiet – li mhumiex ta’ kulħadd – għenu lill-bnedmin kollha, speċjalment lilna l-Insara, iħossu li Ġesù huwa qrib tagħhom permezz tal-persuna tiegħu.

L-imħabba lejn il-fqar, l-attenzjoni għall-batuti, l-aċċettazzjoni u l-imħabba lejn kulħadd, il-kundanna tal-gwerer u l-ħidma għall-paċi, l-akkoljenza tal-migranti, l-għożża kbira għall-ħolqien, huma kollha temi li jolqtu lil kull bniedem u mhux biss lill-Kattoliċi li tagħhom Franġiku kien ir-Ragħaj spiritwali. L-impenn tiegħu favur kull bniedem u favur id-dar komuni tagħna għamluh il-Missier ta’ kulħadd u mexxej li kulħadd iħoss li jista’ jassoċja ruħu miegħu.

Għalina li nemmnu, il-Papa Franġisku kien il-bniedem tat-tiġdid fil-Knisja, mimli b’dik ix-xewqa kbira li Ġesù u l-Vanġelu jkellmu lill-bniedem tal-lum. Fil-Maġisteru tiegħu, fost l-oħrajn, hu wriena li l-Knisja mhix vetrina tal-qaddisin imma sptar tal-midinbin; mhix riservata għal xi klassi ta’ nies, imma hija d-dar ta’ kulħadd; hija familja ta’ qaddejja.

“Il-Knisja hija għad-dinja u mhux għaliha nfisha”, “id-dinja hi d-dar ta’ kulħadd”, “il-gwerra hija dejjem falliment”... dawn l-espressjonijiet u oħrajn tal-Papa Franġisku qanqlu riflessjonijiet importanti fost dawk li jemmnu. Il-verità tagħhom tant hi f’saħħitha u tmiss l-essenza tal-umanità u tal-Kristjaneżimu, li bħal mewġa qawwija mhux lakemm wieħed iżommha.

Fl-aħħar mill-aħħar, għall-Papa Franġisku kien essenzjali li jlaqqa’ lill-bniedem tal-lum mal-wiċċ kollu mħabba u ħniena ta’ Alla li, fi kliemu stess, hu “qrubija, mogħdrija u ħlewwa”. Għalhekk, il-missjoni tiegħu ta’ “Qaddej tal-qaddejja ta’ Alla” huwa għexha fis-sempliċità u fit-tiftix tal-ifqar fost il-foqra u ħutna li jinsabu fil-periferiji.

Bħala poplu Malti, nibqgħu ngħożżu mhux biss it-tagħlim u l-ġesti umani tiegħu, imma wkoll it-tifkiriet taż-Żjara tiegħu fostna tliet snin ilu, speċjalment dik f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu. Dawn għandhom iservuna bħala spinta biex inkomplu nwasslu l-Vanġelu li hu xerred u b’tant qawwa pprietka, li huwa l-ferħ tal-Knisja.

F’dan iż-żmien partikulari, nitolbu bil-qalb għall-Knisja kollha biex, fuq l-eżempju tal-Papa Franġisku, tkun dak li l-Mulej Ġesù sejħilha biex tkun, u tikkonċentra l-enerġija kollha tagħha fuq l-essenzjali. Jalla l-ispirtu ta’ Franġisku jsib fina l-Insara kollha sens ta’ akkoljenza kbira, kuraġġ u tiġdid evanġeliku, bil-qawwa ta’ Kristu Rxoxt li hu t-Tama tagħna. 🎗

Bħal-lum, 23 ta’ April, il-Papa Franġisku kien jiċċelebra l-onomastiku tiegħu, billi l-isem tal-Magħmudija tiegħu kien Jorge-Mario.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret li min jixtieq jista’ jiffirma l-Ktieb ta’ Kondoljanzi tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku li wara l-Funeral ta’ nhar is-Sibt se jitwassal fin-Nunzjatura Appostolika f’Malta. Wieħed jista’ jagħmel dan għada l-Ħamis 24 u pitgħada l-Ġimgħa 25 ta’ April, bejn it-8.00am u s-2.00pm, fil-Kurja tal-Isqof fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria.

📸 Matthew Grech

Aqsam fuq