Sors: Facebook
L-Équipe Européenne de Catéchèse (EEC) huwa grupp ta’ esperti mill-Ewropa responsabbli għall-katekeżi fuq livell nazzjonali, kif ukoll dawk li jwettqu riċerka u jgħallmu l-kateketika fil-livelli tal-edukazzjoni terzjarja. Huma jiltaqgħu kull sentejn biex jiddiskutu problemi kateketiċi ewlenin u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.
Din is-sena l-EEC qed jiċċelebra l-75 sena mit-twaqqif tiegħu. Il-grupp twaqqaf wara l-Ewwel Kungress Internazzjonali tal-Katekeżi li sar f’Ruma fl-1950, u minn dak iż-żmien ’l hawn indirizza diversi temi, fosthom ir-relazzjoni bejn il-fidi u l-kultura kontemporanja.
Din is-sena l-kungress ta’ dan l-Équipe sar f’Corato (Bari, l-Italja) bejn it-3 u t-8 ta’ Ġunju 2026 bit-tema Catechesi per l’Incontro e per la Pace: “La Convivialità delle Differenze” (Katekeżi li tlaqqagħna u li twassal għall-Paċi: “Il-Konvivialità tad-Differenzi”).
Id-Djoċesi tagħna kienet irrappreżentata f’dan il-Kungress minn Mons. Frankie Bajada, Delegat għall-Evanġelizzazzjoni u l-Katekeżi, li ġie vvutat ukoll biex ikun membru tal-EEC. Dun Frankie ngħaqad ma’ Dun Renè Camilleri u Dun Carl Mario Sultana mill-Arċidjoċesi ta’ Malta. Dun Carl Mario Sultana kien ġie elett President ta’ dan l-Équipe waqt il-Kungress li kien sar fis-Slovenja fl-2024.
Fir-ritratt jidhru Dun Renè Camilleri, Mons. Frankie Bajada, Angela Kaupp, Professoressa fl-Università ta’ Koblenz u membru tal-bord tal-EEC, flimkien ma’ Dun Carl Mario Sultana President attwali tal-Équipe.