Kunsens

Dan is-sit juża servizzi ta’ terzi li jeħtieġu l-kunsens tiegħek. Sir af aktar

Aqbeż għall-kontenut

L-imħabba ta’ bejn l-għarajjes u l-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem, u b’mod partikolari…

Sors: Facebook

L-imħabba ta’ bejn l-għarajjes u l-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem, u b’mod partikolari lejn l-istess għarajjes, ġiet iċċelebrata fis-Santwarju Ta’ Pinu, nhar is-Sibt 11 ta’ Jannar filgħaxija. Dan seħħ permezz ta’ Ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla bit-tema: “Inti, li qalbi tħobbok” (Għan 1:7), li għaliha attendew madwar 150 koppja għarajjes li bħalissa qed jagħmlu l-Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ Nisrani u għall-ħajja tal-familja organizzata mid-Djoċesi ta’ Għawdex fil-parroċċi kollha tagħha.

Waqt djalogu mal-Isqof Anton Teuma, il-koppja Gianluca u Vanessa Bezzina qasmu mal-għarajjes esperjenzi konkreti mill-ħajja taż-żwieġ tagħhom li fihom il-Kelma ta’ Alla kienet dawl u sostenn għalihom. B’riferiment għall-fatt li fil-Bibbja Ġesù jħeġġeġ kemm-il darba lill-Appostli biex joqogħdu miegħu u l-Appostli min-naħa tagħhom jistaqsuh biex jgħallimhom jitolbu, il-koppja Bezzina ħeġġew lill-għarajjes biex iqattgħu ħin fit-tul (quantity u mhux biss quality time) mal-Kelma ta’ Alla biex hekk jesperjenzaw din ir-relazzjoni diretta ma’ Alla.

Iċ-ċelebrazzjoni laħqet il-qofol tagħha bl-għoti tal-Bibbja lill-koppji għarajjes kollha preżenti. Dawn twasslu mill-Isqof Anton flimkien mal-kappillani Għawdxin li għamlu talba fuq l-għarajjes, b’xewqa li l-Kelma ta’ Alla tkun fiċ-ċentru tal-imħabba u l-familja tagħhom.

Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet b’barka fuq l-għarajjes mill-Isqof flimkien mal-Kappillani. Iċ-ċelebrazzjoni kienet animata mill-Kor Djoċesan u rat ukoll il-parteċipazzjoni ta’ diversi operaturi pastorali li matul is-sena jakkumpanjaw lill-għarajjes tul il-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ tagħhom.

Aqsam fuq