Sors: Facebook
L-Isqof ta’ Għawdex qatta’ l-btajjel tal-Għid mas-saċerdoti tad-Djoċesi tagħna li qaddsu f’dawn l-aħħar għaxar snin u li qed jistudjaw jew iwettqu ħidma pastorali ’l barra minn xtutna. Hu kien akkumpanjat minn Dun Alex Refalo, Delegat tiegħu għas-Saċerdoti.
Bejn it-Tlieta 2 u s-Sibt 6 ta’ April, fl-ispirtu tal-ferħ tal-Għid, huma ltaqgħu flimkien f’dar ta’ akkoljenza f’Valle d’Osta, Turin. Kien mument imqassam bejn formazzjoni u mistrieħ. Il-kelliema kienu Don Luca Balugani, Don Ivo Seghedoni u Don Paolo Monzani, saċerdoti mid-Djoċesi ta’ Modena-Nonantola. Huma qattgħu wkoll nofstanhar mal-Komunità ta’ Bose, fejn il-Prijur Sabino Chialà tahom taħdita dwar l-isfidi tas-saċerdoti llum. Ma naqsitx passiġġata qalb is-silġ fuq Monte Rosa.
Din kienet l-ewwel esperjenza ta’ din ix-xorta, li s-saċerdoti msefrin apprezzaw ħafna bħala mument sabiħ ta’ komunjoni mal-Isqof u ta’ fraternità saċerdotali.