Sors: Facebook
“Lil San Ġużepp għandna bżonnu llum biex fit-trobbija ta’ wliedna ngħinuhom jikbru bħala bnedmin maturi”, qal l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Qala fejn ipprietka fil-Festa ta’ San Ġużepp. Kompla jgħid li fl-aħħar mill-aħħar minn dan jibbenefikaw il-ġenituri stess, il-familji u l-pajjiż.
Fl-omelija tiegħu l-Isqof osserva kif qed ngħixu f’soċjetà li qed issib diffikultà dwar il-persuna tar-raġel u dwar il-valur tal-paternità, fejn saħansitra tqum il-mistoqsija jekk hemmx tassew “verità ta’ rġulija u maskunilità, jew hux kollox ivvintat mis-soċjetà”.
Insista kif hawn il-figura ta’ Ġużeppi toħroġ ħafna b’saħħitha. “Ma nippretendux li Ġużeppi jkun il-mudell ta’ kull Malti u Għawdxi”, saħaq, “imma bħala Nsara ma nistgħux inwarrbu fil-ġenb il-figura ta’ dan ir-raġel u missier”. Dan “mingħajr ma nikkundannaw lil ħadd”, imma bl-ebda mod ma nistgħu “nqisu kollox ħaġa waħda”.
L-ewwel karatteristika fundamentali li identifika fil-persuna ta’ San Ġużepp kienet li hu “ma jaġixxix waħdu imma jħares ’il fuq”, u għalhekk jista’ tassew jagħraf min hi Marija, jilqa’ lil Ġesù bħala ibnu, u jifhem il-missjoni tiegħu ta’ missier, billi jistaqsi Alla x’qed jgħidlu”.
“Ebda missier ma jista’ jqis lilu nnifsu missier Nisrani jekk ma jfittixx fil-Kelma ta’ Alla, jikkomunika ma’ Alla fit-talb, joqgħod fis-skiet, u jirrifletti”, qal l-Isqof, waqt li kkummenta kif illum “lanqas li nieqfu u naħsbu ma għadha moda, għax il-bniedem tal-lum sar jagħfas buttuna u jsib dak li jrid”.
U hekk “Ġużeppi hu kewkba għalina l-Insara, qalb din il-konfużjoni li qed ngħixu fiha llum”.
Fuq quddiem, l-Isqof semma li “aħna l-Insara ma nistgħux ngħaddu mingħajr il-mudell ta’ koppja” kif ippreżentat fl-istorja ta’ Ġużeppi u Marija. Fl-aħħar mill-aħħar “Alla l-Imbierek jagħżel għal Ibnu li jiġi fid-dinja dan il-mudell daqshekk sempliċi: raġel u mara li jħobbu lil xulxin”.
“Dan ma jfissirx li s-sitwazzjonijiet l-oħrajn ta’ mħabba huma kkundannati”, qal l-Isqof, għax “il-ġudizzju nħalluh f’idejn Alla... imma ma nistgħux ngħidu li dan mhux il-mudell li Alla jagħżel għalih”.
“Jekk aħna bħala soċjetà ma rridux aktar problemi milli għandna”, insista, “dan hu l-mudell li rridu nimitaw”.
L-Isqof Anton irrifera għall-esperjenza ta’ ħafna koppji li ma jkunux jifhmu x’inhu jiġri fl-ieħor jew l-oħra, u semma kif anki Ġużeppi sab diffikultà biex jifhem x’kien qed jiġri f’Marija. “Il-komprensjoni rridu nitħabtu għaliha bħala koppji Nsara, għax ma jiġix kollox b’mod spontanju”, żied jgħid.
Meta ma jifhimx, San Ġużepp bħala bniedem proattiv jipprova jibgħat lil Marija biex isalva lilu nnifsu u lilha. Imma fil-problemi ta’ separazzjoni fi żmienna, ikkummenta l-Isqof, spiss “qed jiġri bil-maqlub: jaraw kif ikissru lil xulxin”.
Fl-aħħar mill-aħħar, meta Alla lil Ġużeppi jurih li “lil Marija mhux jitlaqha jrid, imma jilqagħha”, hu jaċċetta dan “mingħajr ma jifhem x’inhu jiġri”. Hawn tidher il-kapaċità kbira tiegħu “li joħroġ l-aħjar minn kull sitwazzjoni”.
L-Isqof ippreżenta l-figura ta’ San Ġużepp bħala waħda ta’ edukatur, “ta’ xejn kliem, imma ta’ ħafna azzjoni”, li joħloq l-ispazju għal Ġesù biex fih seta’ jitwieled u jikber. Dan joħroġ mill-istess isem tiegħu, fisser l-Isqof, li jindika xi ħadd li jkabbar u jmexxi ’l quddiem.
“L-ispazju li ħoloqlu Ġużeppi għen lil Ġesù biex jeduka ruħu u jikber fil-personalità li nafuh biha, dik tal-Iben ta’ Alla”, kompla l-Isqof.
Illum spiss qed niddistingwu bejn il-ġenituri bijoloġiċi u dawk edukattivi, imma “din id-distinzjoni... mhix l-aktar waħda ideali biex tgħin lit-tfal tagħna jimmaturaw. Fejn hemm bżonn, jeħtieġ li jidħlu persuni oħra biex jgħinu fit-trobbija, bħalma jiġri fl-adozzjoni, imma l-pjan ta’ Alla hu li l-omm u l-missier bijoloġiċi jkunu huma li jgħinu lit-tfal jikbru”, saħaq l-Isqof ta’ Għawdex.
U għalkemm Ġużeppi “ma kienx il-missier bijoloġiku ta’ Ġesù, imma l-missier edukattiv”, Alla għażel proprju lilu għax ħass li hu “l-aħjar mera tal-Missier tas-Sema fuq l-art”.
Fl-aħħar nett, l-Isqof ġibed l-attenzjoni fuq l-idea li qed tissemma dan l-aħħar li ċ-ċentri ta’ childcare jestendu s-servizzi tagħhom għal billejl, saħansitra miftuħin sa mit-tielet xahar tal-ħajja tat-trabi ’l quddiem. Dan għax “tant aħna impenjati bix-xogħol, li t-tfal irridu nsibulhom fejn joqogħdu billejl”.
Waqt li dan hu “aħjar milli t-tfal jibqgħu waħidhom u abbandunati”, żied l-Isqof, “ikun ħafna aħjar meta l-ġenituri jsibu xogħol li jista’ jkollhom il-ħin biex ikunu mat-tfal fl-iktar ħinijiet delikati. Importanti li l-ġenituri, jew almenu persuni sinifikattivi flokhom, ikunu preżenti mal-ulied. Inkella bilfors se jkollna diffikultajiet u problemi ma’ dawk li diġà għandna”.
“Kultant tassew li jista’ jkun hemm esiġenzi”, kompla jgħid l-Isqof ta’ Għawdex, “imma bla ma nikkundannaw, ma nistgħux dak li hu l-aħjar ngħidulu li hu bħall-bqija”. Fisser li l-aħjar hu li “nagħmlu bħal Ġużeppi, u qabel il-flus u x-xogħol, inpoġġu l-familja. Martek u wliedek għandhom bżonn il-preżenza tiegħek illum, qabel il-flat li qed taħdem biex ikollhom għoxrin sena oħra”.
Għalhekk fi tmiem l-omelija ppropona li nitolbu lil San Ġużepp jgħallimna l-irġulija u l-paternità, kif ukoll il-valuri tal-edukazzjoni, il-fidi, u s-sens ta’ appartenenza, li kollha jidhru fl-episodji ta’ ħajtu li minn “sfidi dawwarhom fi grazzji għalih u għal Marija u Ġesù”.
🎥 Segwi l-omelija kollha f'dan il-filmat